Nitbiegħdu mid-diżimpenn mill-iskola u persuni li jitilqu kmieni mill-iskola biex nitqarbu lejn suċċess fl-iskola għal kulħadd!

Ta' xejn li żżomm iż-żgħażagħ l-iskola jekk l-ambjent tal-iskola tagħhom mhux sigur u jista' jkun ta' ħsara għas-saħħa mentali u l-benesseri tagħhom. B'mod simili, ta' xejn li tiżgura li jiġu sodisfatti l-għanijiet edukattivi jekk, hekk kif jispiċċaw l-iskola, iż-żgħażagħ ma jkollhomx il-ħiliet bażiċi u l-kompetenzi ewlenin. Cosmin Nada jikkummenta dwar il-bidla fl-attitudni li tirfed l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola.

Wara bosta snin ta' riċerka fil-kwistjoni tat-tluq bikri mill-iskola, nemmen li r-Rakkomondazzjoni tal-Kunsill tal-2911 dwar politiki biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ aċċellerat bidla f'livell Ewropew u nazzjonali. B'riżultat ta' dan, it-tnaqqis fin-numru totali tal-persuni li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ fl-UE kien sostanzjali. Madankollu, dawn il-kisbiet kienu mdella bil-progress insuffiċjenti f'ħiliet bażiċi miż-żgħażagħ Ewropej, il-prevalenza dejjem tiżdied tal-bullying, u t-tkabbir allarmanti fi kwistjonijiet tas-saħħa mentali fost iż-żgħażagħ Ewropej, li marru aktar għall-agħar bil-pandemija tal-COVID-19.

Minkejja l-fokus tagħha fuq approċċ għall-iskola kollha u l-bidla sistemika, il-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ ħabtet flimkien maż-żieda ta' "perspettiva negattiva" u pjuttost individwalistika ta' studenti f'riskju, li ta' spiss jitqiesu bħala r-raġuni ewlenija għad-diżimipenn tagħhom mill-iskola. Filwaqt li l-istituzzjonijiet edukattivi u dawk li jfasslu l-politika jirrikonoxxu verbalment il-kumplessità tal-fatturi li jwasslu għat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, dawn għandhom it-tendenza li jitfgħu l-ħtija fuq l-istudenti nfushom, li ta' spiss huma meqjusa li mhumiex reżiljenti biżżejjed, jew li mhumiex motivati biżżejjed. Fl-istess ħin, in-nuqqasijiet sistemiċi u istituzzjonali li kienu l-għerq tal-problema tad-diżimpenn tagħhom jitwarrbu b'mod konvenjenti. B'riżultat ta' dan, il-miżuri mfassla biex jindirizzaw it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ huma ffokati b'mod eċċessiv fuq dawk li apparentement huma n-nuqqasijiet tal-istudenti u kif dawn jistgħu jiġu kkorreġuti.

F'dan il-kuntest, hija meħtieġa viżjoni ġdida fejn il-fokus ma jkunx fuq in-nuqqasijiet u inadegwatezzi individwali, iżda pjuttost iħares lejn x'jeħtieġ li jsir f'livell sistemiku biex jinkiseb suċċess fl-iskola għal kulħadd. Tħassib dwar il-benesseri tal-istudenti – u tal-atturi edukattivi kollha – huwa element ewlieni hawn. Hekk kif naspiraw lejn soċjetajiet aktar ġusti, sostenibbli u ekwi, neħtieġu li nipproċedu lil hinn mill-objettiv sempliċi li nevitaw tluq mill-iskola. Id-deċennju li għadda wriena li t-tnaqqis tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ – għalkemm objettiv importanti – irid ikun ikkumplimentat b'azzjonijiet immirati biex jindirizzaw il-progress insuffiċjenti f'ħiliet bażiċi, it-titjib tal-benesseri u s-saħħa mentali tal-istudenti, u l-provvediment ta' edukazzjoni li tista' tispira u tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan huwa wieħed mill-messaġġi ewlenin tar-Rakkomandazzjoni għal Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola proposta.

Minn naħa waħda, l-edukazzjoni tista' titqies b'mod tassew strumentali, sempliċement bħala "fabbrika" għal ħaddiema futuri, jew bħala "pjattaforma" għas-suq tax-xogħol. Ta' spiss huwa f'dan il-kuntest li hija inkwadrata dik id-diskussjoni dwar il-ħtieġa li jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ. Min-naħa l-oħra, l-edukazzjoni tista' titqies bħala għodda emanċipatorja li tippermetti u tħeġġeġ lit-tfal u lill-adulti biex jitgħallmu tul ħajjithom u jsiru verżjonijiet aħjar tagħhom infushom. Dawn il-viżjonijiet apparentement kuntrastanti tal-edukazzjoni jistgħu jeżistu flimkien, billi l-edukazzjoni tista' tkun, simultanjament, faċilitatur għad-dħul fis-suq tax-xogħol u għodda għat-titjib tal-persuna nnifisha. Dan jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati flimkien kwistjonijiet bħat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ, il-progress insuffiċjenti b'ħiliet bażiċi, u l-benesseri, permezz ta' approċċ integrat u inklużiv iffokat fuq is-suċċess fl-iskola għal kulħadd.


Cosmin Nada

Cosmin Nada huwa Research Fellow fis-Centre for Research and Intervention in Education (Ċentru għar-Riċerka u l-Intervent fl-Edukazzjoni). Huwa għandu PhD Ewropea fix-Xjenzi Edukattivi (l-Università ta' Porto) u għandu aktar minn għaxar snin ta' esperjenza fil-qasam tar-riċerka edukattiva. Cosmin ħa sehem f'bosta konferenzi akkademiċi u ppubblika f'ġurnali xjentifiċi ewlenin fl-edukazzjoni. Bħalissa huwa l-Koordinatur Amministrattiv ta' NESET u membru tal-Bord Editorjali tal-Għodod Ewropej għall-Iskejjel.