Bord Konsultattiv Pedagoġiku tat-Teacher Academy

Il-Bord Konsultattiv Pedagoġiku tat-Teacher Academy huwa responsabbli għall-programm ta’ korsijiet online tat-Teacher Academy. Kull sena huwa jiddefinixxi liema korsijiet se jkunu offruti online permezz tat-Teacher Academy u jappoġġa l-iżvilupp ta’ korsijiet bl-assigurazzjoni tal-kwalità u l-gwida dwar prattiki tat-tagħlim elettroniku, disinn ta’ istruzzjoni u metodi ta’ tagħlim avvanzati. Membri tal-bord jivvalidaw il-pjanijiet tal-korsijiet li jiddeskrivu l-parametri ewlenin ta’ kull kors u jipprovdu input fl-għażla tal-materjali li se jintużaw f’kull kors.

Il-Bord Konsultattiv Pedagoġiku tat-Teacher Academy huwa magħmul minn esperti fil-qasam tat-tagħlim elettroniku u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema. Huma jiġu appuntati mill-Kummissjoni Ewropea kull sena, skont in-nominazzjonijiet tal-Ministeri tal-Edukazzjoni u European Schoolnet. Il-Bord jinkludi l-Kap tal-Grupp Konsultattiv Pedagoġiku tal-eTwinning u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea.

Luis Fernandes huwa prinċipal ta' skola b’passjoni għall-edukazzjoni u t-teknoloġija. Bħala għalliem (1991) u prinċipal ta' skola sa mill-1997, Luis kellu l-opportunità jmexxi bosta proġetti li fihom integra l-innovazzjoni u l-ICT għall-istudenti u l-għalliema fl-iskejjel. Dawn ġew ippremjati lokalment u internazzjonalment, inkluż rikonoxximent formali minn Microsoft għal Freixo School Cluster bħala skola innovattiva (2012-2016). Luis huwa għalliem kwalifikat u għandu wkoll żewġ gradi Masters fl-Iżvilupp tal-Kurrikulu u l-Amministrazzjoni Skolastika. Huwa ħarrieġ tal-għalliema ċċertifikat u jitkellem regolarment f’konferenzi u workshops. Huwa wkoll membru ta’ firxa ta’ bordijiet konsultattivi u gruppi tal-ħidma li jiffokaw fuq it-teknoloġija fl-edukazzjoni.

Anne Gilleran taħdem bħala konsulent anzjan u maniġer pedagoġiku għas-Servizz t’Appoġġ tal-eTwinning. Hija l-Kap tal-Grupp Konsultattiv Pedagoġiku tal-eTwinning u hija responsabbli għall-attivitajiet ta’ żvilupp professjonali ċentrali kollha tal-eTwinning. Anne għandha esperjenza kbira fi proġetti edukattivi Ewropej bi speċjalizzazzjoni partikolari fl-iżvilupp professjonali u t-taħriġ tal-għalliema. Qabel kienet taħdem bħala mexxejja ta’ skola fl-Irlanda.

Daniella Tasic Hansen hija konsulent fil-pedagoġija tat-tagħlim elettroniku u maniġer tal-proġetti f’eVidenCenter, Iċ-Ċentru ta’ Għarfien Nazzjonali Daniż. Hija ħadmet fl-IT f’kuntest edukattiv għal bosta snin kemm bħala edukatur kif ukoll bħala konsulent pedagoġiku fi proġetti differenti li jiffokaw fuq l-edukazzjoni ulterjuri għall-għalliema fl-IT, il-pedagoġija u d-didattika. Wieħed mill-oqsma tax-xogħol tagħha huwa t-tagħlim online u l-assigurazzjoni tal-kwalità ta’ korsijiet ta’ tagħlim online. Fost oqsma oħra li jinteressawha hemm il-Litteriżmu Diġitali, id-didattika tat-tagħlim elettroniku u l-pedagoġija u t-tagħlim Ibbażat fuq il-Logħob.

Diana Laurillard hija Professur tat-tagħlim ma’ Digital Technologies fil-Laboratorju tal-Għarfien, fl-Istitut tal-Edukazzjoni ta’ UCL, fejn tmexxi proġetti ta’ riċerka fl-iżvilupp tas-sett ta’ għodod Learning Designer u l-komunità online għall-għalliema u l-ħarrieġa, fuq interventi ta’ softwer adattiv għall-istudenti li għandhom ħiliet numeriċi baxxi u dyscalculia, u fl-użu tal-MOOCs għall-iżvilupp professjonali. Kurrentement hija: ko-PI fiċ-Ċentru għal Global HE (UCL-IOE); investigatur imsieħeb fiċ-Ċentru tar-Riċerka tax-Xjenza tat-Tagħlim (l-Universitajiet ta’ Queensland u Melbourne); edukatur ewlieni tal-MOOC fuq l-ICT fl-Edukazzjoni Primarja: It-trasformazzjoni fit-tagħlim tat-tfal fi ħdan il-kurrikulu, fuq Coursera, u għal wieħed dwar Blended Learning Essentials fuq FutureLearn; membru tal-Bordijiet tal-Learning Foundation, u Climate KIC Education. Rwoli preċedenti jinkludu: Kap tal-Unità tal-Istrateġija tat-Tagħlim Elettroniku fid-Dipartiment għall-Edukazzjoni u l-Ħiliet; Pro-Viċi-Kanċillier għat-teknoloġiji tat-tagħlim u t-tagħlim fl-Open University; il-Visiting Committee fuq l-IT f’Harvard University; ir-Royal Society Working Group dwar in-Newroxjenza Edukattiva, President tal-Assoċjazzjoni għat-Teknoloġija tat-Tagħlim, Thinker in Residence fir-Royal Flemish Academy tal-Belġju. L-aktar ktieb riċenti tagħha huwa Teaching as a Design Science, 2012. Il-ktieb ta’ qablu, Rethinking University Teaching, 2002, huwa wieħed mill-aktar ikkwotata fil-qasam.

Madeleine Murray hija l-Koordinatur Nazzjonali ma’ PDST Technology in Education u hija responsabbli għad-disinn ta’ korsijiet ta’ żvilupp kontinwu online fl-ICT għall-għalliema. Ix-xogħol ta’ Madeleine kien jinkludi r-responsabilità għall-produzzjoni tal-e-Learning Handbook and Roadmap tal-NCTE. Hija amminsitrat ukoll l-iżvilupp ta’ firxa ta’ korsijiet għall-għalliema, inkluż il-korsijiet onlineTablets for Literacy and Numeracy, Scratch for Learning, ICT & ePortfolios for Assessment. Madeleine tamministra wkoll il-produzzjoni ta’ vidjos li juru l-prattika tajba fl-użu tal-ICT fi skejjel Irlandiżi. Bħala gradwata minn Trinity College, Dublin, Madeleine hija għalliema mħarrġa tal-primarja. Qabel bdiet taħdem fl-edukazzjoni, Madeleine ħadmet għal bosta snin fuq id-disinn u t-twassil tal-iżvilupp professjonali fl-ICT lil organizzazzjonijiet kummerċjali u fis-settur pubbliku.

Diego Rojas Ruiz għandu grad fil-Filoloġija u Masters fid-Didattika tal-Lingwa u l-Letteratura. Huwa għalliem tal-Ingliż. Ilu jaħdem mill-2007, għas-Servizz t’Appoġġ Nazzjonali Spanjol tal-eTwinning, ospitat mill-Istitut Nazzjonali Spanjol tat-Teknoloġiji Edukattivi u t-Taħriġ tal-Għalliema. Huwa kkordina u kien responsabbli għall-kontenut u l-metodoloġiji f’azzjonijiet online bħal korsijiet mentored u l-MOOCs.

Danguole Rutkauskiene hija Professur Assoċjat fid-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Multimidja (Fakultà tal-Informatika) f’Kaunas University of Technology fil-Litwanja u espert tal-Edukazzjoni fil-Baltic Education Technology Institute (BETI). Hija kienet membru fundatur tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Edukazzjoni b’ Distanza fil-Litwanja u kurrentement hija l-President tagħha. Danguole hija membru tal-Kumitat Amministrattiv tal-EADTU (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet ta’ Tagħlim b’Distanza), membru ta’ INFOBALT u assoċjazzjonijiet oħra. Hija kienet involuta bħala koordinatur u msieħeb f’għadd ta’ proġetti nazzjonali u internazzjonali, ħadet sehem u organizzat seminars u konferenzi nazzjonali kif ukoll attivitajiet internazzjonali. Hija wkoll awtur u koawtur ta’ 29 ktieb u monografi u 174 artiklu dwar it-tema tat-tagħlim elettroniku. Hija għandha interess partikolari fil-metodoloġija tat-tagħlim elettroniku, il-maniġment u l-użu ta’ teknoloġiji avvanzati ta’ tagħlim f’universitajiet u istituzzjonijiet edukattivi. Reċentement, hija kellha interess kbir fil-MOOCs u tipparteċipa b’mod attiv fir-riċerka tal-MOOCs fuq livell nazzjonali u internazzjonali. Addizzjonalment, hija bdiet u pparteċipat fl-istadji tal-preparazzjoni u t-twassil ta’ tliet MOOCs.