eTwinning – L-komunità għall-iskejjel fl-Ewropa
- Tutorial
- Ħin għall-qari: 6 minuti
- 10.01.2020
- 0
- 0
- 0

L-eTwinning hija l-komunità għall-iskejjel fl-Ewropa. Sir af aktar dwar l-eTwinning u kif tista' tissieħeb!
X’inhu l-eTwinning?
L-eTwinning hija l-komunità għall-iskejjel fl-Ewropa. L-eTwinning toffri pjattaforma għall-persunal (għalliema, kapijiet ta’ skejjel, librara, eċċ.), li jaħdmu fi skola f’waħda mill-pajjiżi Ewropej involuti, biex jikkomunikaw, jikkollaboraw, jiżviluppaw proġetti, jaqsmu u, fil-qosor, iħossuhom parti mill-aktar komunità ta’ tagħlim eċċitanti fl-Ewropa.
L-eTwinning tippromwovi l-kollaborazzjoni bejn l-iskejjel fl-Ewropa permezz tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) billi tipprovdi appoġġ, għodod u servizzi għall-iskejjel. L-eTwinning toffri wkoll opportunitajiet bla ħlas u żvilupp professjonali kontinwu online għall-edukaturi.
Sa mill-2005, l-eTwinning involviet eluf ta’ persunal tal-iskejjel, u llum (f’Novembru 2016) tgħodd aktar minn 400,000 membru attiv b'aktar minn 50,000 proġett għaddej!
L-eTwinning hija ffinanzjata mill-Erasmus+, il-programm tal-Kummissjoni Ewropea għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport. L-eTwinning hija kkoordinata mis-Servizz t’Appoġġ Ċentrali, li huwa operat minn European Schoolnet, u appoġġat fuq livell nazzjonali minn 37 Servizz t’Appoġġ Nazzjonali.
Proġetti kollaborattivi online
Fil-qalba tal-eTwinning hemm proġetti kollaborattivi li jitwettqu minn mill-inqas żewġ skejjel. Il-proġetti jistgħu jkunu dwar kwalunkwe suġġett iżda jeħtieġ ikollhom bilanċ tajjeb bejn l-użu tal-ICT u attivitajiet fil-klassi, u preferibbilment għandhom jidħlu fil-kurrikulu nazzjonali tal-iskejjel li qed jipparteċipaw fil-proġetti. Il-proġetti eżemplari jingħataw Labels ta’ Kwalità Ewropej u nazzjonali, jew jirċievu r-rikonoxximent aħħari billi jsiru wieħed mir-rebbieħa tal-Premju tal-eTwinning.
Fl-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni aqra kif l-eTwinning kellha impatt fuq it-tagħlim tal-istudenti.
Żvilupp Professjonali
L-eTwinning toffri firxa ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali online fuq livell Ewropew għall-membri kollha tal-komunità. Minn eTwinners bl-esperjenza sa membri ġodda, kulħadd għandu l-opportunità li jagħmel progress professjonali fl-eTwinning.
Pereżempju, Attivitajiet ta’ Tagħlim huma popolari ħafna, attivitajiet online intensivi ta’ 10-15-il ġurnata fuq għadd ta’ temi. Dawn huma mmexxija minn espert, u jinkludu xogħol attiv u diskussjoni fost l-għalliema.
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni 2015 sab li l-eTwinning tejjeb il-ħiliet krosskurrikulari ta’ 91% ta’ dawk li wieġbu u 89% tal-għalliema rrappurtaw li l-ħiliet fil-lingwi barranin għat-tagħlim u l-ħiliet tat-tagħlim ibbażat fuq il-proġetti tjiebu grazzi għall-eTwinning.
Għodod tal-eTwinning
Bosta għodod online jiffaċilitaw ix-xogħol tal-eTwinners. Ibda billi tesplora l-portal pubbliku tal-eTwinning u aqra l-aħbarijiet u eżemji ta’ proġetti minn madwar in-netwerk tal-eTwinning. Hemmhekk tista' wkoll tirreġistra, jekk mhux diġà għandek kont. Ladarba jkollok kont, tista’ tidħol fl-eTwinning Live, il-post fejn jiltaqgħu l-eTwinners: hawnhekk inti tista’ tattendi jew toħloq attivitajiet; tiżviluppa proġetti; tingħaqad jew toħloq gruppi għall-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki fuq diversi suġġetti; tipparteċipa f’forums tal-imsieħba; u mbagħad tieħu sehem f’attivitajiet ta’ tagħlim li jtejbu l-iżvilupp professjonali tiegħek.
Ladarba tkun involut fi proġett, ikollok aċċess għat-TwinSpace, għodda sigura online fejn l-imsieħba tal-proġett jaħdmu flimkien għal tlestija b’suċċess tal-proġett tagħhom.
Kif tibda? Il-Materjali tal-eTwinning għat-Tagħlim Tiegħek innifsek
Kemm jekk inti prinċipjant jew membru esperjenzat tal-eTwinning, il-materjal għat-tagħlim tiegħek innifsek huwa magħmul għalik! Il-materjali inħolqu biex jappoġġaw il-progress tal-eTwinners u jimmotivawhom jidħlu aktar fil-fond f’oqsma differenti, inkluż affarijiet bażiċi, il-komunikazzjoni, il-kollaborazzjoni, in-netwerking u l-kwalità.
Il-materjali huma miftuħa għal kulħadd; madanakollu, il-kwizzijiet ta’ progress jistgħu biss jagħmluhom l-utenti reġistrati. Il-kwizzijiet huma marbuta mal-profili tal-membri u l-istrixxa tal-progress.
Agħmel il-pass u idħol fid-dija tal-kollaborazzjoni tal-iskejjel fl-Ewropa llum! Għamel impatt fuq l-istudenti tiegħek bl-aktar modi pożittivi u involvi ruħek magħhom b’modi li qatt ma mmaġinajt qabel.
- Tags:
Kummenti
Żid kumment