Il-koperazzjoni fis-sistemi edukattivi tista’ tieħu forom differenti – minn netwerking għal raggruppament aktar formalizzat tal-iskejjel. In-“netwerking” ilaqqa’ lill-għalliema u lil persunal ieħor tal-iskejjel biex jiddiskutu ideat u jaqsmu prattiċi tajba dwar ċerti suġġetti, jew jaqsmu bejniethom ir-riżorsi għall-ġid tal-iskejjel individwali u tal-komunitajiet. Ir-“raggruppament” ħafna drabi jkun tagħqid aktar formali tal-iskejjel fl-istess belt jew reġjun lokali, b’viżjoni u bi proċessi tal-iżvilupp u billi jittieħdu deċiżjonijiet konġunti. Ir-rappreżentanti mill-iskejjel jiltaqgħu flimkien biex jaqsmu r-riżorsi jew biex jaħdmu flimkien fuq inizjattivi akbar li jikkontribwixxu għall-iskejjel u għar-reġjun kollu.
Abbażi tal-inizjattivi fl-Istati Membri li rnexxew, b’dan il-mod ta’ ħidma jidher li nkisbu benefiċċji eċċellenti fejn jidħlu:
- it-tħaffif tat-tranżizzjonijiet bejn il-livelli edukattivi (eż. mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal għall-primarja, mill-primarja għas-sekondarja, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali);
- il-kontinwità tal-appoġġ lill-istudenti fl-iskejjel/reġjun u matul l-edukazzjoni sħiħa tal-istudenti;
- l-għoti ta’ appoġġ lill-istudenti (eż. timijiet multidixxiplinari li kapaċi jieħdu varjetà ta’ approċċi iżda b’mod koordinat);
- l-involviment tal-ġenituri; u
- it-taħriġ tal-għalliema u, b’mod partikolari, l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema (CPD).
Kulma jissemma hawn fuq jista’ jgħin biex jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola.
L-esperjenza fl-Istati Membri turi li l-koperazzjoni bejn l-iskejjel hija aktar faċli li tinkiseb jekk din tkun tinvolvi lill-awtoritajiet lokali u nazzjonali u jkollha l-appoġġ tagħhom, skont il-bżonn u ċ-ċirkustanzi nazzjonali.
Anki f’sistemi ċentralizzati, l-awtoritajiet lokali jistgħu jipprovdu appoġġ addizzjonali biex jgħinu ħalli jissolvew ċerti problemi relatati mal-familja u soċjali li jwasslu biex iż-żgħażagħ jitilqu mill-iskola kmieni, pereżempju permezz ta’ sforzi mmirati li jilħqu lill-istudenti barra mill-ambjent tal-iskola. L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jgħinu billi jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw din il-koperazzjoni reġjonali/lokali u billi jallokaw finanzjament għall-inizjattivi. Anke d-dipartimenti nazzjonali u lokali tal-edukazzjoni jinsabu f’qagħda tajba biex jaħdmu ma’ dipartimenti u servizzi oħra tal-gvern ħalli jiżguraw l-allinjament tal-politiki li jindirizzaw it-tluq bikri mill-iskola.
Eżempju ta’ raggruppament tal-iskejjel: il-Portugall
Fil-Portugall, is-sistema skolastika reġgħet ġiet organizzata bil-kbir ħalli tindirizza d-diskrepanzi ġeografiċi kemm fiż-żoni rurali (fejn ħafna skejjel huma żgħar u iżolati) kif ukoll fil-bliet (fejn l-iskejjel ħafna drabi huma ffullati żżejjed). Din l-organizzazzjoni mill-ġdid kellha ttejjeb ir-riżultati ta’ PISA 2000 u tindirizza l-kwistjonijiet li jikkontribwixxu għal-livelli għoljin ta’ studenti li jabbandunaw l-iskola kmieni. Permezz tal-organizzazzjoni mill-ġdid twaqqaf netwerk ta’ “raggruppamenti ta’ skejjel” li jiġbru flimkien diversi skejjel (ta’ livelli differenti – mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal sas-sekondarja) fi proġett edukattiv waħdieni u mmexxi minn kap tal-iskola wieħed. Raggruppament tipiku jaf ikollu minn 5 sa 10 unitajiet preskolastiċi u skejjel primarji li jfornu lill-iskejjel sekondarji tal-ewwel livell u lil skola sekondarja ogħla waħda. Bħalissa qed joperaw 811-il raggruppament u skejjel sekondarji li mhumiex fi grupp.
Il-Kummissjoni Ewropea, Working Group Schools Policy, Early school leaving Country focus workshop: School governance and collaborative practices, il-Portugall, 11-14 ta’ Novembru 2014.
Aktar informazzjoni:
Bennet, B., A. Daughtrey, and A. Wieder, Collaboration: Closing the Effective Teaching Gap, Center for Teaching Quality, Carrboro, North Carolina, 2009.
MacNeil, J., School- and Cluster-based Teacher Professional Development: Bringing Teacher Learning to the Schools, Dokument ta’ Ħidma #1, US AID, Washington DC, 2004.
Qari addizzjonali:
Lock, A., Clustering together to advance school improvement: working together in peer support with an external colleague: Full Report, National College for Leadership of Schools and Children’s Services, Nottingham, ir-Renju Unit, 2011.