1.2. L-ippjanar u l-monitoraġġ tal-iskejjel
L-iskejjel li jixtiequ jadottaw “approċċ skolastiku sħiħ” biex jindirizzaw ċerti kwistjonijiet kumplessi jeħtieġ jinvolvu ruħhom sistematikament fl-ippjanar strateġiku kollaborattiv. Dawn iridu joħolqu proċess biex jiġbru l-attivitajiet kollha tagħhom fi pjan koerenti u biex isegwu u jevalwaw il-progress tagħhom. Il-pjan tal-iżvilupp/titjib tal-iskola jservi bħala dokument ta’ referenza li jiggwida l-attivitajiet tal-iskola u jiffaċilita l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom stess. Bħala pjan strateġiku, dan għandu jistabbilixxi b’mod ċar u sempliċi l-prijoritajiet tal-iskola, il-miżuri ewlenin li din se tieħu biex ittejjeb l-istandards, ir-riżorsi meħtieġa, u r-riżultati u l-miri ewlenin li beħsiebha tilħaq fi żmien speċifiku.
L-ippjanar skolastiku ma jsirx biss mill-membri tal-komunità skolastika, iżda għandu jilqa’ wkoll il-kontribut u l-perspettivi tal-partijiet konċernati kollha bi proċess parteċipattiv li jiffoka fuq il-futur tal-iskola. Fost il-partijiet konċernati hemm l-awtoritajiet pubbliċi (skont kif ikun xieraq fil-kuntest nazzjonali); il-ġenituri, il-familji u gruppi mill-komunità; sħab esterni, pereżempju s-servizzi tal-ħarsien u l-appoġġ soċjali; u naturalment, il-membri tal-komunità skolastika, inkluż l-istudenti. Hu ferm importanti li dawn il-proċessi jkunu miftuħa u trasparenti. F’xi pajjiżi, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jipprovdu linji gwida u prinċipji għall-ippjanar fl-iskejjel.
L-evalwazzjoni esterna tista’ tappoġġa wkoll it-titjib fl-iskejjel, fosthom billi toffri parir fuq l-aqwa prattika u tħarreġ lill-iskejjel fl-ippjanar u fl-evalwazzjoni. L-għan prinċipali mhux li jsir paragun bejn l-iskejjel permezz ta’ klassifika iżda biex jingħarfu dawk il-proċessi tal-bidla u l-iżvilupp fl-iskejjel li jkunu rnexxew filwaqt li tiġi riflessa d-diversità tal-attivitajiet li għalihom ikunu responsabbli l-iskejjel u l-kuntesti differenti li jaħdmu fihom.
Aktar informazzjoni:
Synergies for Better Learning: An International Perspective on Evaluation and Assessment, l-OECD, Pariġi, 2013.
L-Istitut Statali għall-Iskola u l-Midja ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ministeru Federali Awstrijak għall-Edukazzjoni, l-Arti u l-Kultura, il-Konferenza Żvizzera tal-Ministeri Kantonali tal-Edukazzjoni, “Educational Monitoring, Comparative Studies, and Innovation From evidence-based governance to practice”, OECD/CERI regional seminar for the German-speaking countries f’Potsdam (Il-Ġermanja), 25-28 ta’ Settembru 2007
Qari addizzjonali:
Macbeath, J., et al., Self-evaluation in European Schools: A story of change, Routledge, London u New York, 2000.
Uri aktar