5.4. Sħubijiet: L-organizzazzjonijiet tal-komunità u s-soċjetà ċivili
Il-bini ta’ relazzjonijiet effettivi bejn l-iskejjel u l-komunità b’mod ġenerali jista’ jkollu effett importanti fuq il-kwalità tat-tagħlim. Dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jibdlu wkoll il-fatturi komunitarji u strutturali li jippromwovu l-inugwaljanza edukattiva. Il-libreriji, iċ-ċentri taż-żgħażagħ u sportivi, l-NGOs lokali u organizzazzjonijiet komunitarji oħra li jiġbru l-istudenti u l-familji tagħhom madwar firxa wiesgħa ta’ attivitajiet rikreattivi u jappoġġaw l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ tagħlim u servizzi aktar wiesgħa, jistgħu jiżviluppaw sħubijiet sabiex jirrinforzaw ir-rabtiet bejn l-iskejjel, il-familji u l-istudenti. Dan jista’ jkun partikolarment utli għall-ġenituri u l-familji minn sfondi żvantaġġati jew għal dawk il-ġenituri li kellhom esperjenzi negattivi tal-iskola fl-imgħoddi.
Dawn it-tipi ta’ sħubijiet jeħtieġu fehim aktar ħolistiku ta’ kif l-iskejjel, il-familji, il-komunitajiet u s-soċjetà ċivili jistgħu jaħdmu flimkien biex itejbu r-riżultati fil-ħajja għaż-żgħażagħ, u jrawmu l-awtostima u l-kunfidenza tagħhom. Dan jeħtieġ ukoll fehim aħjar tal-mod kif l-iskejjel jista’ jkollhom impatt fuq il-komunità aktar ġenerali sabiex jinfluwenzaw il-kuntesti familjari u soċjali li fihom jitgħallmu t-tfal u ż-żgħażagħ.
L-iskejjel li bbenefikaw minn investiment fil-libreriji tal-komunità, ċentri sportivi u faċilitajiet kondiviżi oħra jista’ jkollhom il-kapaċità li jippromwovu aċċess għall-bini tagħhom għall-membri tal-komunità aktar ġenerali f’ħinijiet estiżi. Il-ftuħ tal-faċilitajiet tal-iskejjel barra l-ħinijiet tal-iskola għal attivitajiet ta’ lħuq u estrakurrikulari jista’ jkun ta’ vantaġġ kbir. Huwa jinkoraġġixxi l-għoti tas-setgħa lill-komunità u jgħin sabiex titnaqqas id-distanza bejn l-iskejjel u l-ġenituri, b’mod partikolari dawk li mhumiex familjari mas-sistema skolastika.
Ir-riċerka turi li dawk l-iskejjel li huma l-aktar effettivi biex jibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-komunitajiet lokali tagħhom għandhom strateġiji żviluppati tajjeb ta’ involviment tal-komunità, b’għanijiet ċar, li jistgħu jiġu sostnuti maż-żmien, u li jirrikonoxxu l-assi tal-komunità. Pereżempju, l-iskejjel jistgħu jippjanaw minn rajhom attivitajiet barra mill-iskola sabiex joħolqu toroq li jwasslu għall- impjieg għall-adulti, jew sabiex jippromwovu stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa, u jappoġġaw attivament il-parteċipanti tal-membri tal-komunità.
Aktar informazzjoni:
Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, Ir-Renju Unit, Extended Schools and Services: Research into the impact of a range of extra-curricular services and activities for children, young people and the wider community, pjattaforma online.
Flint, N., Schools, communities and social capital: Building blocks in the 'Big Society’, National College for Leadership of Schools and Children’s Services, 2012.
Ice, M.,Thapa, A., Cohen, J., ‘Recognizing Community Voice and a Youth-led School-Community Partnership in the School Climate Improvement Process’, School Community Journal, Vol. 25, Nru 1, 2015, pp. 9-28.
Uri aktar