5.3. Sħubijiet: L-impjegaturi u n-negozji
L-għarfien dwar id-dinja tax-xogħol u l-fehim tagħha huma integrali għall-edukazzjoni u jinkisbu l-aħjar jekk in-negozji u l-iskejjel jaħdmu fi sħubija. Sħubijiet bħal dawn jipproduċu benefiċċji sinifikanti għal dawk kollha involuti: fuq kollox, huma ta’ benefiċċju għall-għarfien dwar u l-esperjenza tad-dinja tax-xogħol taż-żgħażagħ, il-fehim tagħhom tal-esiġenzi tax-xogħol u l-aspettattivi tal-impjegaturi, u r-rilevanza tal-edukazzjoni għall-ħtiġijiet tal-impjegaturi.
In-negozji għandhom rwol importanti x’jilagħbu biex jappoġġaw l-għażliet tal-karrieri u biex jarrikkixxu l-esperjenza tat-tagħlim għaż-żgħażagħ. Il-bini ta’ sħubijiet bejn in-negozji u l-iskejjel fuq livell lokali jista’ jgħin sabiex:
- tiżdied il-flessibbiltà tal-opportunitajiet ta’ esperjenza tax-xogħol u jitjieb iż-żmien meta jinqalgħu dawn l-opportunitajiet sabiex ikunu jistgħu jiġu rranġati aktar kollokamenti matul is-sena skolastika u jkunu jistgħu jiġu integrati matul l-edukazzjoni kollha;
- ikunu assigurati rabtiet aktar mill-qrib bejn il-kontenut kurrikulari u l-opportunitajiet ta’ tagħlim ibbażati fl-iskola u l-ħtiġijiet tan-negozju fid-”dinja reali”;
- tiġi pprovduta informazzjoni aġġornata dwar il-karrieri fis-setturi tagħhom u jogħla l-profil tal-karrieri;
- tiġi faċilitata t-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol;
- l-istudenti jiġu megħjuna jiżviluppaw aspirazzjonijiet adegwatament għoljin dwar il-karrieri li jistgħu jaċċessaw u jifhmu l-ħiliet u l-kwalifiki li għandhom bżonn biex jaċċessawhom.
Hemm ħafna modi differenti kif l-impjegaturi u n-negozji lokali jistgħu jappoġġaw lill-iskejjel lokali, fosthom:
- għajnuna lill-iskejjel sabiex jiżviluppaw materjali kurrikulari rilevanti
- taħditiet fl-iskejjel dwar il-karrieri
- żjarat fuq il-post
- taħriġ prattiku u esperjenza ta’ xogħol għal żmien qasir
- ġbir ta’ fondi, sponsorizzazzjoni u donazzjoni ta’ tagħmir u
- appoġġ għall-attivitajiet extra kurrikulari u t-tagħlim estiż
Hemm benefiċċji għall-partijiet kollha involuti meta n-negozji u l-iskejjel jaħdmu flimkien. Iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu idea prezzjuża u realistika tad-dinja tax-xogħol u jifhmu kif jistgħu jibnu għarfien, ħiliet u kompetenzi trasversali. Din l-esperjenza tista’ tgħolli l-aspirazzjonijiet u l-motivazzjoni tal-istudenti, ittejjeb il-kunfidenza tal-istudenti fihom infushom, tgħinhom jibqgħu fl-edukazzjoni u b’hekk itejbu ċ-ċansijiet tagħhom fil-ħajja.
In-negozji u l-iskejjel ikunu jistgħu jiksbu fehim aħjar tal-aspettattivi tagħhom tal-istudenti, u jagħmlu l-esperjenza tat-tagħlim waħda awtentika. Huma jistgħu jiksbu wkoll ideat u veduti ġodda mill-istudenti dwar il-ħidma u l-proċessi tagħhom.
Madankollu, huwa importanti li n-negozji u l-iskejjel jifhmu u jegħlbu l-isfidi rispettivi li jistgħu jiffaċċjaw meta jaħdmu fi sħubija. Dawn jistgħu jinkludu restrizzjonijiet ta’ ħin u riżorsi, u l-ħtieġa li jikkomunikaw informazzjoni dwar l-oqsma tar-regolamentazzjoni, is-saħħa u s-sigurtà.
Uri aktar