5.2. In-netwerks tal-partijiet interessati
Meta jkunu involuti ħafna partijiet interessati differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija sabiex jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-iskola, jista’ jkun meħtieġ li jinħolqu strutturi formalizzati sabiex jappoġġaw il-ħidma tagħhom. Il-partijiet interessati kollha jrid ikollhom fehim komuni tal-isfidi li jkunu qed ifittxu li jindirizzaw u jaqsmu għan u approċċ komuni. Għandu jkun hemm ukoll strutturi ta’ appoġġ u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni sabiex jassiguraw id-djalogu u fluss reċiproku tal-informazzjoni bejn l-iskola u sett aktar wiesa’ ta’ partijiet interessati, kif ukoll mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Netwerks effettivi tal-partijiet interessati jridu jinvolvu sett xieraq ta’ partijiet interessati, li jifhmu ċ-ċirkustanzi u l-kuntest lokali u li jkunu kapaċi jintervjenu lokalment fil-problemi li jkunu qegħdin ipoġġu lill-istudenti f’riskju li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Għandha tiġi identifikata firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati u professjonisti li jistgħu jikkontribwixxu għan-netwerk: huma għandhom jiġu mistiedna u involuti mill-bidu tal-proċess.