5.2. In-netwerks tal-partijiet interessati
Meta jkunu involuti ħafna partijiet interessati differenti fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ strateġija sabiex jiġi indirizzat it-tluq bikri mill-iskola, jista’ jkun meħtieġ li jinħolqu strutturi formalizzati sabiex jappoġġaw il-ħidma tagħhom. Il-partijiet interessati kollha jrid ikollhom fehim komuni tal-isfidi li jkunu qed ifittxu li jindirizzaw u jaqsmu għan u approċċ komuni. Għandu jkun hemm ukoll strutturi ta’ appoġġ u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni sabiex jassiguraw id-djalogu u fluss reċiproku tal-informazzjoni bejn l-iskola u sett aktar wiesa’ ta’ partijiet interessati, kif ukoll mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Netwerks effettivi tal-partijiet interessati jridu jinvolvu sett xieraq ta’ partijiet interessati, li jifhmu ċ-ċirkustanzi u l-kuntest lokali u li jkunu kapaċi jintervjenu lokalment fil-problemi li jkunu qegħdin ipoġġu lill-istudenti f’riskju li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien. Għandha tiġi identifikata firxa wiesgħa ta’ partijiet interessati u professjonisti li jistgħu jikkontribwixxu għan-netwerk: huma għandhom jiġu mistiedna u involuti mill-bidu tal-proċess.
Il-fatturi li ġejjin huma essenzjali għall-iżvilupp ta’ netwerks effettivi tal-partijiet interessati:
- Ċarezza fost il-partijiet interessati kollha rigward il-ħtiġijiet, l-interessi u l-aspettattivi tagħhom. L-iskejjel iridu jiddefinixxu wkoll il-ħtiġijiet, l-isfidi u qawwiet tagħhom.
- Ftehimietformali jew informali bejn il-partijiet interessati u l-iskejjel li jispeċifikaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ kull imsieħeb.
- Strateġija/pjan ta’ azzjoni komuni, ibbażati fuq miri ċari u kondiviżi. L-istrateġija/pjan għandhom ikunu ffukati fuq il-ħtiġijiet tal-istudent, u jkunu bbażati fuq approċċ li tassew jinvolvi diversi aġenziji, filwaqt li jirrispetta l-perspettivi u l-missjonijiet differenti ta’ kull parti interessata.
- Mekkaniżmi effettivi ta’ komunikazzjoni.
- Mekkaniżmi ta’ monitoraġġu evalwazzjoni, li jippermettu feedback kontinwu, addattament u bidla tal-involviment kif ikun xieraq. Għandhom jiġu żviluppati gwida/indikaturi sabiex jiffaċilitaw l-awtoevalwazzjoni fejn ikun xieraq.
- Abilità li jiġu żviluppati relazzjonijietmaż-żmien, li jirrikonoxxu l-importanza tar-rispett reċiproku u l-għarfien espert li jista’ jġib kull imsieħeb.
- Konsultazzjoni attiva ma’ dawk l-istudenti u l-familji maħsuba sabiex jibbenefikaw minn approċċ b’ħafna aġenziji, dwar kif jistgħu jiġu appoġġati b’mod aktar effettiv.
Uri aktar