4.4. Tagħlim fil-familja
It-“tagħlim fil-familja” jirreferi għal kwalunkwe attività li tinvolvi membri tal-familja kemm tfal kif ukoll adulti (kollha jaħdmu biex jilħqu r-riżultati tat-tagħlim proprji tagħhom) u li jikkontribwixxi għal kultura ta’ tagħlim fil-familja. Li jiżdied il-livell edukattiv tal-ġenituri huwa approċċ wieħed ta’ suċċess kif jiġi evitat it-tluq bikri mill-iskola. Meta l-ġenituri jieħdu sehem f’attivitajiet edukattivi għalihom infushom, jiġu promossi sensiela ta’ interazzjonijiet kulturali u edukattivi fi ħdan il-familja. Permezz tat-tagħlim fil-familja, il-ġenituri jibnu l-effikaċja proprja tagħhom, jiġu abilitati biex isiru aġenti attivi fl-iskola, u jkunu aktar involuti fl-edukazzjoni ta’ wliedhom. Il-ġenituri jistgħu jibnu wkoll il-kunfidenza tagħhom biex jgħinu lil uliedhom fit-tagħlim id-dar. Fl-istess ħin, it-tfal ikollhom aktar opportunitajiet biex jitgħallmu mal-ġenituri tagħhom, li jwassal għal involviment akbar fl-iskola u riżultati edukattivi aħjar.
Ir-riċerka turi li l-involviment tal-familji fi programmi dwar il-litteriżmu huwa essenzjali sabiex jiżdiedu l-livelli tal-litteriżmu u tan-numeriżmu tat-tfal u l-adulti. Sejbiet ewlenin minn proġett ta’ riċerka Ewropew juru li l-programmi dwar il-litteriżmu għall-familja huma kost-effettivi ħafna, kemm fit-titjib tal-litteriżmu tat-tfal kif ukoll fit-titjib tal-ħiliet ta’ appoġġ mill-ġenituri. Huwa importanti li dawn ikunu konformi ma’ u jikkumplimentaw l-attivitajiet tal-litteriżmu fil-klassi.
Għandu jkun hemm ukoll firxa ta’ programmi kumplimentari mmirati lejn il-ħtiġijiet ta’ gruppi speċifiċi, li jinkludu familji bi dħul baxx u gruppi etnikament imħallta. Dawn il-programmi għandhom ifittxu li jtejbu l-iżvilupp tal-litteriżmu u l-iżvilupp soċjoemozzjonali tat-tfal, filwaqt li jiżviluppaw ukoll il-kapaċità tal-ġenituri li jappoġġaw it-tagħlim ta’ wliedhom. It-titjib tal-ħiliet ġenerali tat-trobbija tat-tfal huwa wkoll parti essenzjali mit-tagħlim fil-familja. Programmi bħal dawn għalhekk għandhom jiġu pprovduti kemm jista’ jkun kmieni fl-iżvilupp tat-tfal. Il-finanzjament, il-kwalità tal-programm u s-sħubijiet bejn l-individwi ewlenin huma meqjusa bħala ċentrali għas-suċċess fit-tul tal-programmi ta’ tagħlim fil-familja.
Aktar informazzjoni:
Carpentieri, J., Fairfax-Cholmeley, K., Litster, J., Vorhaus, J., Family literacy in Europe: Using parental support initiatives to enhance early literacy development, NRDC, l-Istitut tal-Edukazzjoni, Londra, 2011.
Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli tal-UE dwar il-Litteriżmu, Final Report, Brussell, 2012.
EUCIS-LLL, Policy debate on Intergenerational learning for inclusive societies, Marzu 2015.
NIACE, Family Learning Works: The Inquiry into Family Learning in England and Wales, 2013.
Uri aktar