4.3. Spazji għall-ġenituri u involviment fl-attivitajiet edukattivi
Mod effettiv sabiex tinħoloq sħubija pożittiva bejn il-familja u l-iskola u biex jiġu involuti l-ġenituri huwa li jiġu pprovduti opportunitajiet akkoljenti u siguri biex il-ġenituri jkunu preżenti fl-iskola, jaqsmu l-għarfien espert tagħhom, jibnu l-kunfidenza u l-kapaċitajiet ta’ tmexxija, in-netwerks soċjali u t-tagħlim tagħhom. Il-ġenituri u l-familji jista’ jkollhom ħin u spazji assenjati fl-iskola. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, ‘kamra tal-ġenituri’ fejn jistgħu jiġu organizzati attivitajiet informali fuq talba tagħhom u/jew bil-għajnuna ta’ professjonisti oħra (eż. assistenti soċjali) jew il-persunal tal-iskola. Din il-kamra tista’ tintuża waqt il-ħinijiet tal-iskola biex jiġu organizzati taħditiet dwar kwistjonijiet relatati mal-iskola u t-trobbija tat-tfal, laqgħat ma’ speċjalisti u professjonisti esterni, workshops u attivitajiet informali oħra.
L-iskejjel jistgħu jorganizzaw ukoll “jiem għall-ġenituri”, fejn jistiednu lill-ġenituri jżuru l-iskola, u jitgħallmu aktar dwar il-kurrikulu, l-attivitajiet u l-valuri u l-missjoni tagħha.
Il-ġenituri jservu wkoll bħala riżorsi prezzjużi għall-iskejjel u jistgħu jiġu mistiedna biex jaqsmu l-ħiliet u l-għarfien espert tagħhom. Il-membri tal-familja jistgħu jiġu mistiedna biex jivvolontarjaw f’attivitajiet edukattivi fil-klassi (eż. jaqraw lill-klassi, appoġġ għall-għalliem), jew f’attivitajiet oħra fl-iskola (kemm kurrikulari kif ukoll ekstrakurrikulari, bħal klabbs tal-homework u programmi ta’ wara l-iskola). Il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fl-attivitajiet edukattivi, inklużi ġenituri minn kulturi differenti jew b’esperjenzi edukattivi differenti, tagħmilha possibbli li jiżdiedu n-numru u d-diversità tal-interazzjonijiet, li min-naħa tagħhom jaċċelleraw il-proċess tat-tagħlim; huma jistgħu jgħinu lill-istudenti jegħlbu l-isterjotipi kulturali u jiġġeneraw aktar motivazzjoni. Il-ġenituri u l-membri tal-familja jistgħu jiġu involuti wkoll f’attivitajiet marbuta mal-edukazzjoni u l-iggwidar dwar il-karrieri, pereżempju billi jitkellmu dwar il-professjoni jew l-esperjenza tax-xogħol tagħhom.
Fejn ikun neċessarju, fornituri oħra ta’ servizz, NGOs u professjonisti, bħall-medjaturi kulturali, jistgħu jgħinu sabiex jinbnew relazzjonijiet pożittivi mal-ġenituri, speċjalment dawk minn gruppi emarġinati.
Il-ftuħ tal-faċilitajiet tal-iskejjel barra l-ħinijiet tal-iskola għal programmi u lezzjonijiet għall-ġenituri (eż. lezzjonijiet tal-lingwa għal ġenituri bi sfond migranti u li ma jitkellmux il-lingwa tat-tagħlim ta’ wliedhom b’mod adegwat) jista’ jgħin sabiex jiżdied l-involviment tal-ġenituri u jitneħħew l-ostakli bejn l-iskejjel u l-familji. Madankollu, għal ġenituri b’esperjenzi mgħoddija negattivi ħafna tal-iskola, jistgħu jinħolqu opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja f’postijiet differenti, bħal ċentri bbażati fil-komunità, bi sħubija mal-NGOs. Dawn iċ-ċentri bbażati fil-komunità jistgħu jservu wkoll bħala punt uniku ta’ servizz għall-appoġġ lill-familji, b’timijiet multidixxiplinari li jipprovdu firxa wiesgħa ta’ servizzi, inkluż appoġġ għas-saħħa u emozzjonali.
Aktar informazzjoni:
Il-proġett tal-UE INCLUD-ED, Strategies for inclusion and social cohesion in Europe from education, Pjattaforma online/
Downes, P.,Community-Based Lifelong Learning Centres: Developing a European strategy Informed by International Evidence and Research, Dokument tar-Riċerka tan-NESET, 2011.
Uri aktar