4.2. L-involviment tal-ġenituri fit-tmexxija tal-iskejjel
It-titjib tas-sħubijiet bejn il-familja u l-iskola u ż-żieda tal-parteċipazzjoni tal-ġenituri fit-teħid tad-deċiżjonijiet edukattivi jistgħu jkunu effettivi ħafna biex jiġi miġġieled it-tluq bikri mill-iskola. Il-parteċipazzjoni wiesgħa tal-ġenituri f’deċiżjonijiet relatati mat-tagħlim, kif ukoll mal-organizzazzjoni tal-iskola u l-attivitajiet tagħha, tippromwovi t-trasparenza u aġġustament aħjar għall-ħtiġijiet attwali tal-familja u toħloq sens akbar ta’ responsabbiltà kondiviża madwar l-edukazzjoni. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi Ewropej, ir-rwol tal-ġenituri fi ħdan l-iskejjel huwa rikonoxxut bil-liġi u d-drittijiet tagħhom huma ggarantiti b’dispożizzjonijiet regolatorji li jispjegaw in-natura ta’ dawn id-drittijiet. Hemm proċeduri sabiex jassiguraw id-drittijiet tal-ġenituri li jipparteċipaw f’xi forom ta’ proċessi ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fl-iskola, eż. permezz ta’ rappreżentanza tal-ġenituri f’bordijiet u kunsilli skolastiċi. Il-ġenituri għalhekk huma inkoraġġiti jipparteċipaw, permezz tar-rappreżentanti eletti tagħhom, fil-korpi differenti tal-iskejjel, b’mod partikolari l-kunsilli skolastiċi u l-kunsilli tal-klassijiet.