Jekk l-istudenti jirnexxux fl-iskola jew ikunux f’riskju ta’ tluq bikri jiddependi ħafna fuq l-istatus soċjoekonomiku (SES) tagħhom. L-effetti tal-istatus soċjoekonomiku joħorġu fid-dieher ċar u tond fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Ewropa kollha. Tfal minn sfondi soċjoekonomiċi aktar baxxi huma anqas probabbli li jipparteċipaw u jibbenefikaw mill-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC) minn tfal minn sfondi aktar vantaġġati. L-iżvantaġġ inizjali jista’ jiġi aggravat matul is-snin tal-iskola jekk ma jingħatax appoġġ addizzjonali biex jgħin lit-tfal inaqqsu d-differenzi edukattivi. Il-parteċipazzjoni ugwali f’edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta’ kwalità iżda nstab li hija fost l-aktar approċċi effettivi biex jingħelbu l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi fil-kisba edukattiva.
Ir-riżultati f’PISA tal-OECD juru b’mod ċar li l-isfond soċjoekonomiku tal-ġenituri hu fattur determinanti ewlieni tal-kisba fil-ħiliet bażiċi fil-matematika u l-lingwa. Pereżempju, l-akbar proporzjon ta’ studenti taħt l-istandard minimu ta’ profiċjenza għall-matematika jinsab fil-kwart ta’ isfel tal-indiċi soċjoekonomiku.
L-influwenza tal-istatus soċjoekonomiku, l-isfond tal-familja u l-ambjent tat-tagħlim fid-dar jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Effett interġenerazzjonali b’saħħtu fuq il-kisba edukattiva jista’ jitqies bħala falliment tas-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ li timmassimizza l-opportunitajiet tal-istudenti għal kulħadd. F’dan il-kuntest, it-tagħlim fil-familja hu mod biex tinqaleb din l-assoċjazzjoni stabbilita.
L-istrateġiji biex tiġi indirizzata d-differenza fil-kisba edukattiva jistgħu jinkludu firxa ta’ miżuri, mill-eliminazzjoni tas-segregazzjoni soċjoekonomika bejn l-iskejjel u fi ħdanhom, il-posponiment tat-tracking edukattiv, l-estensjoni tal-opportunitajiet tat-tagħlim fl-iskola u ’l barra minnha, u li wieħed jilqa’ u jappoġġa l-involviment tal-ġenituri mill-aktar stadji bikrija tal-edukazzjoni ’l quddiem.
Madankollu, l-ewwel pass biex jiġu assigurati aċċess u opportunitajiet indaqs għat-tagħlim hu li dawn l-istudenti jingħataw appoġġ materjali u/jew finanzjarju biex jattendu l-iskola b’mod regolari, bħal pereżempju trasport, kotba, akkomodazzjoni bla ħlas jew boroż ta’ studju lill-istudenti akbar fl-età u opportunitajiet ta’ ħarsien tat-tfal lill-ommijiet adolexxenti. L-ikliet bla ħlas, anki barra l-programmi tal-ikliet regolari tal-iskola, imħallta ma’ attivitajiet addizzjonali tat-tagħlim jistgħu jipprovdu l-appoġġ meħtieġ lit-tfal minn sfond soċjoekonomiku baxx.
Aktar informazzjoni:
Il-Kummissjoni Ewropea, Monitoraġġ tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2015, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu.
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, Reading Literacy in EU Countries: Evidence from PIRLS, Rapporti Xjentifiċi u ta’ Politika tal-JRC, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2013.
Heckman, J.J., ’Invest in early childhood development: Reduce deficits, strengthen the economy’, The Heckman Equation, l-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka dwar l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal, New Brunswick, NJ, 2012.
Lavrijsen, J. u Nicais, I., Educational tracking, inequality and performance. New evidence using differences-in-differences, VFO-SSL, Leuven, 2014.
L-OECD, Low-Performing Students: Why They Fall Behind and How to Help Them Succeed, l-OECD, Pariġi, 2016.
L-OECD, Equations and Inequalities, Making Mathematics Accessible to All, l-OECD, Pariġi, 2016.
L-OECD, Starting Strong IV: Monitoring Quality in Early Childhood Education and Care, l-OECD, Pariġi, 2015.
L-OECD, PISA 2012 Results: Excellence through Equity, Giving Every Student the Chance to Succeed, Volume II, l-OECD, Pariġi, 2013.
L-OECD, Equity and Quality in Education: Supporting Disadvantaged Students and Schools, l-OECD, Pariġi, 2012.