3.5. It-tagħlim u l-assessjar
L-għalliema għandhom jingħataw il-flessibbiltà biex jadattaw u jippersonalizzaw it-tagħlim ħalli dan jilħaq lill-istudenti bi ħtiġijiet differenti. Ħareġ fid-dieher li l-approċċi madwar l-istudent, li jinkludu tekniki aktar attivi u interattivi, bħat-tagħlim imsejjes fuq l-istħarriġ u l-proġetti u t-tagħlim koperattiv huma ta’ benefiċċju. L-organizzazzjoni tal-iskejjel u tal-klassijiet, inkluż l-użu tal-ispazju u l-ħin, għandha tappoġġa l-varjetà tal-ħtiġijiet tal-istudenti u tal-metodi tat-tagħlim. It-timijiet tat-tagħlim (l-għalliem flimkien ma’ assistent għalliem jew it-tieni għalliem) jużaw varjetà ta’ għodod u materjali (“tagħlim f’tim” jew “tagħlim konġunt”). Il-parteċipazzjoni tal-familja fil-kuntesti edukattivi tiftaħ possibbiltajiet ġodda biex jingħataw appoġġi addizzjonali lill-għalliema ħalli jkun żgurat li tintlaħaq il-mira ta’ edukazzjoni u tagħlim ta’ kwalità kbira.

It-tagħlim fl-iskejjel għandu jaħseb ukoll għal firxa ta’ metodi xierqa tal-assessjar, b’enfasi akbar fuq approċċi dijanjostiċi u formattivi. Ir-riċerka turi li r-rispons speċifiku u f’waqtu li jgħin biex jingħelbu d-differenzi fit-tagħlim (b’tagħlim adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi) għandu impatt ġmielu fuq it-tagħlim, inkluż fost l-istudenti emarġinati. Meta l-istudenti jkunu involuti bis-sħiħ fil-proċess, dawn ikunu kapaċi jagħrfu l-progress tagħhom maż-żmien u jibnu l-kunfidenza tagħhom fil-ħila tagħhom li jirnexxu. L-assessjar formattiv u dijanjostiku (inkluż l-assessjar mill-istudenti nfushom u l-kontributi tal-membri tal-familja) huma għodda b’saħħitha biex tiżdied il-kisba akkademika.
Sir af aktar:
Black, P. u D. Wiliam, ’Inside the Black Box: Raising Standards through Classroom Assessment’, Phi Delta Kappan, Vol. 92, 2010, pp. 81-90.
De Witte, K., Nicaise, I., Lavrijsen, J., Van Landeghem, G., Lamote, C., Van Damme, J., ’The Impact of Institutional Context, Educatin and Labour Market Policies on Early School Leaving: A comparative analysis of EU countries’, European Journal of Education, Vol. 48, Nru 3., 2013, pp. 331 – 345. doi/10.1111/ejed.12034/
Il-Kummissjoni Ewropea/EACEA/Eurydice/Cedefop, Tackling Early School Leaving from Education and Training in Europe: Strategies, Policies and Measures, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2014.
L-OECD, Policy Brief: Formative Assessment: Improving Learning in Secondary Classrooms (Novembru), l-OECD, Pariġi, 2005.
Uri aktar