3.4. Il-kurrikulu u l-mogħdijiet tat-tagħlim
Hu kruċjali li t-tagħlim ikun rilevanti għall-ħajjet l-istudenti. Il-kurrikuli rilevanti u stimulanti jgħinu lill-għalliema joħolqu lezzjonijiet motivanti. Il-kurrikuli għandhom jippermettu forom personalizzati tat-tagħlim biex ikun eħfef li jasal l-għarfien u jiġu żviluppati l-ħiliet u l-kompetenza sal-aktar mod possibbli għal kull tifel/tifla, filwaqt li tinżamm il-kwalità tal-kontenut tal-kurrikulu, u l-aspettattivi jibqgħu kbar. Il-kurrikuli f’kull stadju għandhom jiġu allinjati mal-livelli suċċessivi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew il-mogħdijiet alternattivi tat-taħriġ.

Il-kurrikuli għandhom jippermettu varjetà ta’ metodi tat-tagħlim, fosthom tagħlim kollaborattiv, it-tagħlim u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol, li kienu ppruvati li huma ta’ benefiċċju biex (jerġgħu) jinvolvu u jimmotivaw lill-istudenti u jżommuhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Dawn il-metodi tat-tagħlim għandhom iżommu standards għoljin tal-kwalità għall-istudenti kollha. Studji juru l-impatt pożittiv ta’ miżuri li ma jinkludux ġbir fi gruppi skont l-abbiltà jew xi tip ta’ segregazzjoni, u li jiggarantixxu li jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa b’mod xieraq għad-diversità tal-ħtiġijiet fi gruppi eteroġenji (ara r-referenza għar-riċerka aktar ’l isfel). L-iskejjel għandhom jimplimentaw il-kurrikuli skont il-ħtiġijiet tal-istudenti tagħhom, filwaqt li jżommu l-istandards u l-aspettattivi għoljin. L-enfasi għandha tingħata lill-provvediment ta’ kurrikuli kulturalment rilevanti u l-assigurazzjoni li l-istudenti kollha jingħataw bis-sħiħ il-kompetenzi ewlenin li se jkollhom bżonn biex tingħeleb l-esklużjoni soċjali.
Jekk l-istudenti ikunu tassew qed ibatu biex ilaħħqu mal-kurrikulu normali, il-mogħdijiet tat-tagħlim individwalizzat jew il-programmi ta’ edukazzjoni alternattiva (b’metodi tat-tagħlim adattati biex jiffaċilitaw it-tagħlim) jistgħu jgħinuhom jilħqu miri ekwivalenti tat-tagħlim u (jerġgħu) jintegraw fl-edukazzjoni u/jew fit-taħriġ. Il-ħiliet tal-istudju, kif ukoll il-gwida u l-edukazzjoni dwar il-karrieri u ħiliet oħra għall-ħajja għandhom jiġu integrati għalkollox fil-kurrikulu.
Sir af aktar:
Braddock, J.H. u Slavin, R.E., Why ability grouping must end: Achieving Excellence and Equity in American Education, Center for Research on Effective Schooling for Disadvantaged Students, Baltimore, MD, 1992.
Flecha, R., Successful Educational Action for Inclusion and Social Cohesion in Europe, Springer Publishing Company, Heidelberg, New York, Dordrecht Londra, 2015.
Wößmann, L. u Schütz, G., Efficiency and Equity in European Education and Training Systems. Analytical Report for the European Commission, il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2006.
Uri aktar