Il-gwida u l-appoġġ dwar il-karrieri għandhom jiġu integrati fil-kurrikuli mill-aktar stadji bikrija tal-edukazzjoni. Ir-riċerka tissuġġerixxi li l-istudenti li jkollhom pjan dwar il-karriera huma aktar probabbli li jibqgħu fl-iskola u jinvolvu ruħhom aktar fl-edukazzjoni tagħhom. Dawn jistgħu jiġu żviluppati b’mod separat jew jiddaħħlu fil-kurrikulu, pereżempju fil-kuntest ta’ diversi suġġetti differenti. Approċċi effettivi sikwit jgħaqqdu flimkien firxa wiesgħa ta’ attivitajiet kurrikulari u estrakurrikulari. Fost dawn jista’ jkun hemm programmi ta’ esperjenza tax-xogħol, osservazzjoni tax-xogħol, logħob dwar il-karrieri, jew korsijiet ta’ introduzzjoni li jistgħu jappoġġaw kemm fl-edukazzjoni normali kif ukoll f’dik alternattiva (bħall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali msejsa fuq ix-xogħol).

L-għalliema għandhom rwol importanti x’jaqdu biex jinkoraġġixxu lill-istudenti ħalli jsegwu l-interessi tagħhom u biex jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti għall-aspirazzjonijiet tal-karriera tagħhom. Biex l-edukazzjoni dwar il-karrieri tkun effettiva, din trid tinvolvi wkoll bosta partijiet interessati (il-konsulenti fl-iskola, il-ġenituri u l-impjegaturi).
Studju tal-2016 dwar mogħdijiet alternattivi tat-tagħlim mill-Proġett ta’ Riċerka dwar it-Tnaqqis tat-Tluq Bikri mill-Iskola fl-Ewropa (RESL.eu) wera li approċċi tat-tagħlim imsejsa fuq ix-xogħol jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ tagħlim prattiku fl-edukazzjoni ġenerali msejsa fuq l-iskola u jistgħu jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskola. Għal ħafna studenti, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol jista’ jkun aktar rilevanti minħabba l-kuntest tat-tagħlim prattiku u ħafna drabi aktar matur. Madankollu, iż-żgħażagħ ħafna drabi jitmexxew biss lejn it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol wara firxa ta’ esperjenzi negattivi fl-iskola u/jew nuqqas ta’ impenn akkademiku. Kritika qawwija kemm tal-istudenti kif ukoll tal-persunal involuti f’dan l-istudju kienet li l-persunal – anki l-persunal speċjalizzat fil-gwida dwar il-karrieri – mhux dejjem ikollu għarfien tajjeb dwar l-alternattivi disponibbli tat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u għalhekk jistgħu ma jipprovdux informazzjoni korretta u f’waqtha dwar l-alternattivi doppji tat-tagħlim tul il-karriera skolastika tal-istudenti.
Aktar informazzjoni:
In-Netwerk Ewropew għall-Politika dwar il-Gwida Tul il-Ħajja (ELGPN), Early School Leaving and Lifelong Guidance, Concept Note No. 6, ikkoordinata mill-Università ta’ Jyväskylä, il-Finlandja, 2015 (ara http://www.elgpn.eu/publications/browse-by-language/english/elgpn-concept-note-no.-6-early-school-leaving-and-lifelong-guidance/).
Il-Kummissjoni Ewropea, Piloting Youth Guarantee - partnerships on the ground, Case study: Helping at-risk youth to prepare and guide them into positive post-school outcomes, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Lussemburgu, 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea/EACEA/Eurydice/Cedefop,Tackling Early Leaving from Education and Training in Europe: Strategies, Policies and Measures, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2014.
Nouwen, W., Clycq, N., Braspenningx, M., u Timmerman, C., Cross-case Analyses of School-based Prevention and Intervention Measures, Project Paper 6, il-proġett RESl.eu, iċ-Ċentru għall-Istudji dwar il-Migrazzjoni u l-Istudji Interkulturali, l-Università ta’ Antwerp, 2016.
Cedefop, Stronger VET for better lives: Cedefop’s monitoring report on vocational education and training policies 2010-14, Cedefop Reference Series, Nru. 98 l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2015.
Elffers, L.,The transition to post-secondary vocational education: Students’ entrance, experiences, and attainment, Ipskamp Drukkers, Enschede, 2011.
Van Praag, L., Nouwen, W., Van Caudenberg, R., Clycq, N. u Timmerman, C., Cross-case Analysis of Measures in Alternative Learning Pathways, iċ-Ċentru għall-Istudji dwar il-Migrazzjoni u l-Istudji Interkulturali, Università ta’ Antwerp, 2016.
Vaughan K.,Workplace Learning: A Literature Review, Competenz, New-Zealand Council for Educational Research, 2008.