Għodda ta’ awtovalutazzjoni dwar l-inklużjoni fl-iskejjel u madwarhom
Merħba fl-Għodod Ewropej għall-Iskejjel! Aħna fassalna għodda ta’ awtovalutazzjoni biex ngħinuk tirrifletti dwar il-politiki u l-prattiki ta’ inklużjoni li jiġu implimentati fl-iskola tiegħek, u nipprovdulek suġġerimenti għal aktar titjib.
L-awtovalutazzjoni tinqasam f’seba’ oqsma. Kull qasam jinkludi għadd ta’ mistoqsijiet/indikaturi. Abbażi tat-tweġibiet tiegħek, jasallek rapport personalizzat bl-oqsma fejn l-iskola tiegħek diġà tidher li qed taħdem tajjeb biex tipprevjeni t-tluq bikri mill-iskola u tippromwovi l-inklużjoni, u oħrajn li fihom hemm aktar lok għall-iżvilupp.
Il-mistoqsijiet huma bbażati fuq ir-rapport analitiku tan-NESET (Netwerk ta’ Esperti li jaħdmu fuq id-Dimensjoni Soċjali tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ) Indikaturi Strutturali għal sistemi inklużivi fi u madwar l-iskejjel, b’enfasi fuq il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola. Ir-riżultati tal-awtovalutazzjoni tiegħek se jkunu akkumpanjati minn riżorsi ssuġġeriti mill-Għodod Ewropej għall-Iskejjel u minn links għall-kapitli rilevanti tar-rapport tal-NESET.
Aħna u nfasslu l-għodda, kellna f'moħħna l-iskejjel primarji u sekondarji. Filwaqt li dawk li jaħdmu f’ambjenti ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija tat-Tfal huma mħeġġa jużaw l-għodda, xi wħud mill-mistoqsijiet jistgħu ma jkunux xierqa għal dan il-kuntest, u għalhekk xi riżultati jistgħu ma jkunux utli.
Mnejn tibda
Biex tibda l-awtovalutazzjoni, ara l-punti li ġejjin:
- Jeħtieġ li tilloggja biex tuża l-għodda ta’ awtovalutazzjoni. Jekk m'għandekx kont, tista’ toħloq wieħed mill-buttuna Register fil-parti ta’ fuq nett ta’ din il-paġna.
- Il-lingwa ta’ din il-paġna u tal-kwestjonarju tista’ tinbidel permezz tal-menù li jinżel fil-parti ta’ fuq nett ta’ din il-paġna.
- L-għodda tista’ tużaha kemm-il darba trid. Tista’ wkoll tissejvja sa fejn tkun wasalt bħala abbozz, u mbagħad tkompli u tissottomettih aktar tard.
- Sabiex tikseb ir-rapport ta’ evalwazzjoni, jeħtieġ twieġeb il-mistoqsijiet kollha. Dan għandu jeħodlok anqas minn 30 minuta.
Dwar il-privatezza tiegħek
It-tweġibiet għall-mistoqsijiet jinħażnu b’mod sikur. L-isem u l-organizzazzjoni tiegħek se jiġu inklużi biss fir-rapport personali tiegħek u mhux se jiġu kondiviżi ma’ partijiet terzi. Id-data (it-tweġibiet tiegħek) tinġabar biex tiġġenera r-rapport personali tiegħek, u b’hekk tkun tista’ tqabbel it-tweġibiet tiegħek mat-tweġibiet inġenerali tal-oħrajn li jkunu użaw l-għodda ta’ awtovalutazzjoni. It-tweġibiet tiegħek jintużaw ukoll a) biex itejbu l-għodda ta’ awtovalutazzjoni u b) biex minnhom wieħed jieħu impressjoni ġenerali ta' kif l-edukazzjoni inklużiva qiegħda tintuża madwar l-UE (pereżempju billi tingħata ħarsa lejn x'reazzjonijiet ġenerali jkun hemm matul iż-żmien).
Għal aktar informazzjoni dwar kif nimmaniġġjaw id-data tiegħek, jekk jogħġbok ara l-politika tal-privatezza tagħna.