Nifhmu u nindirizzaw it-tluq bikri mill-iskola fil-livell ta’ skola u f’dak lokali

It-bikri mill-iskola huwa fenomenu kumpless, dinamiku u b’ħafna aspetti, li joħroġ minn taħlita ta’ fatturi personali, soċjali, ekonomiċi, edukattivi u relatati mal-familja, ħafna drabi marbuta ma’ żvantaġġ soċjoekonomiku. It-tluq rari jsir b’deċiżjoni għall-għarrieda u ħafna drabi jkun ir-riżultat viżibbli ta’ proċess twil li matulu l-istudent jibda jmur lura u jinqata’ dejjem iktar mill-edukazzjoni.

Iż-żgħażagħ jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien minħabba bosta raġunijiet varji, li jkunu speċifiċi ħafna għall-individwu. Uħud jitilqu għax jiffaċċjaw problemi personali jew familjari, oħrajn minħabba diffikultajiet ta’ saħħa jew emozzjonali; xi żgħażagħ iħossuhom vera mhux sodisfatti bl-edukazzjoni tagħhom – pereżempju l-kurrikulu u l-metodi tat-tagħlim jaf ma jkunux adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, jaf ma jkollhomx relazzjonijiet tajbin mal-għalliema jew ma’ sħabhom, jaf ikunu vittmi tal-bullying, jew jaf ikun hemm klima negattiva fl-iskola. Iżda t-tluq bikri mill-iskola donnu jsegwi ċerti mudelli u xi żgħażagħ huma meqjusa aktar f’riskju minn oħrajn. Il-persuni li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien aktarx ikunu ġejjin minn sfondi soċjalment żvantaġġati (bħal familji mingħajr xogħol, familji b’livell baxx ta’ edukazzjoni, familji b’ġenitur wieħed jew familji li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli); minn gruppi aktar vulnerabbli (pereżempju tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali jew ommijiet adolexxenti); jew minn sfond minoritarju jew migranti. Ġeneralment is-subien jintlaqtu aktar mill-bniet.

Minħabba n-natura kumplessa tiegħu, it-tluq bikri mill-iskola jrid jitqies u jiġi indirizzat mill-iskola u l-atturi rilevanti l-oħra kollha b’ħidma flimkien. Huwa meħtieġ “approċċ skolastiku sħiħ” biex jonqos it-tluq bikri mill-iskola u jiġi promoss is-suċċess edukattiv għall-istudenti kollha. L-atturi kollha tal-iskejjel (il-kapijiet tal-iskola, il-persunal akkademiku u mhux akkademiku, l-istudenti, il-ġenituri u l-familji) u l-partijiet konċernati edukattivi u mhux edukattivi esterni għandhom rwol essenzjali x’jaqdu ħallu jindirizzaw l-iżvantaġġ edukattiv u jevitaw it-tluq bikri mill-iskola. L-atturi kollha għandhom responsabbiltà biex jieħdu sehem f’azzjoni koeżiva, kollettiva u kollaborattiva, imsejsa fuq il-multidixxiplinarjetà u fuq id-differenzazzjoni. Dan huwa mod ekoloġiku kif l-iskola titqies bħala sistema multidimensjonali u interattiva li tista’ titgħallem u tinbidel. Id-dimensjonijiet kollha tal-ħajja skolastika għandhom jiġu indirizzati b’mod koerenti biex tiġi promossa l-bidla; dan jimplika wkoll li fit-tagħlim mogħti, fit-tagħlim irċevut u fil-ħajja ta’ kuljum tal-iskola jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ kulħadd (tal-istudenti, tal-persunal, u tal-komunità usa’ kollha).