Volunteering@WU

Il-programm “Volunteering@WU - Lernen macht Schule” jaħdem ma’ tfal minn sfond soċjalment żvantaġġat u helpers studenti billi jinkoraġġixxi r-responsabbiltà soċjali u l-attivitajiet ta’ volontarjat. Il-programm isegwi l-prinċipji tal-apprendiment tas-servizzi.

L-inizjattiva ġiet stabbilita fl-2010 mill-Università tal-Ekonomija u tan-Negozju ta’ Vjenna (WU), f’kooperazzjoni ma’ Caritas Vienna u REWE International AG. F’dan il-progamm, l-istudenti tal-WU jistgħu jagħmlu xogħol ta’ volontarjat bħala kumpanji tal-apprendiment jew tal-mużika biex jgħinu lit-tfal li għandhom aċċess ristrett għall-opportunitajiet edukattivi minħabba l-faqar jew l-esklużjoni soċjali.
Il-kumpanji tal-apprendiment iżuru l-faċilitajiet immexxija minn Caritas Vjenna (djar tar-refuġjati, halfway houses għal refuġjati taħt l-età mhux akkumpanjati, djar tal-kenn għan-nisa, ċentri ta’ appoġġ, eċċ) u l-“Lernhaus” immexxija mill-Għaqda tas-Salib l-Aħmar fl-Awstrija darba filgħaxija kull ġimgħa biex jgħinu lit-tfal fix-xogħol tal-iskola tagħhom, fl-istudju għat-testijiet, u biex jipparteċipaw f’attivitajiet rikreattivi. Barra miż-żjarat kull ġimgħa, il-kumpanji tal-apprendiment għandhom l-opportunità jipparteċipaw f’eskursjonijiet, tours, jew sessjonijiet ta’ ħidma flimkien mat-tfal. Dawn l-attivitajiet jgħinu liż-żewġ naħat biex jitgħallmu affarijiet ġodda, jiżviluppaw ħiliet soċjali u lingwistiċi, u jsaħħu r-relazzjoni bejn il-kumpanji tal-apprendiment u t-tfal sħab tagħhom.
Il-kumpanji tal-mużika jipparteċipaw f’kor flimkien mat-tfal minn sfondi soċjali u kulturali varji. Il-kumpanji tal-mużika, taħt id-direzzjoni artistika tal-inizjattiva kulturali tal-Caritas “Brunnenpassage”, jiltaqgħu mat-tfal darba f’ġimgħa biex jirriħersjaw, u spiss jaħdmu fuq diversi prestazzjonijiet differenti kull semestru. Filwaqt li jaħdmu f’timijiet ma’ studenti oħra, il-kumpanji jaġixxu bħala l-maniġers tal-korijiet, billi jiżguraw li r-riħersils u l-prestazzjonijiet jipproċedu mingħajr diffikultajiet u jappoġġjaw il-koeżjoni soċjali fi ħdan il-gruppi.
Korsijiet preparatorji mifruxa fuq diversi jiem jiġu organizzati kemm għall-programmi tal-kumpann tal-apprendiment kif ukoll għal dak tal-kumpann tal-mużika. Is-superviżjoni u l-ikkowċjar matul il-programm jipprovdu lill-voluntiera b’appoġġ addizzjonali, u seminars ta’ taħriġ kontinwu huma disponibbli fuq bażi regolari. In-numru totali ta’ sigħat ta’ seminars ta’ kull parteċipant huwa ta’ madwar 22 siegħa fl-ewwel semestru u madwar 9 sigħat fis-semestru/i ta’ wara. Bħala rikonoxximent, il-WU tippremja lill-voluntiera b’ċertifikat u l-parteċipazzjoni tista’ tingħadd bħala elettiv gratwit.
Mill-2010, fil-“Volunteering@WU – Lernen macht Schule”, ipparteċipaw ’il fuq minn 1 000 student. Kull sena, bejn 120 u 160 student jagħmlu xogħol ta’ volontarjat bħala kumpanji tal-apprendiment jew tal-mużika, billi joffru għajnuna attiva u appoġġ lil madwar 240 tifel u tifla u teenagers. Il-voluntiera mhux biss qed jagħtu kontribut prezzjuż lis-soċjetà, iżda qed jitgħallmu wkoll jindirizzaw u jiġġieldu kwistjonijiet soċjali kumplessi – ħila ewlenija għall-mexxejja ta’ għada.
Volunteering@WU joffri wkoll korsijiet fil-lingwa Ġermaniża lil studenti refuġjati, f’dan il-programm impjegati u studenti tal-master jagħmlu xogħol ta’ volontarjat fi klassijiet tat-taħdit. Mill-2015, madwar 120 refuġjat ipparteċipaw fil-korsijiet u fl-2017 5 studenti rreġistraw bħala studenti regolari.
Il-programm huwa ffinanzjat minn REWE International AG u diversi sħab u sponsors bħal dawn ta’ bħalissa: Unilever Austria, Almdudler, Stadt Wien Marketing, il-Fondazzjoni Umdasch, Caverion Österreich, Sofidel, Ströck u Greenyard Fresh Spanja.

 

Tip
Practice
Pajjiż
Awstrija
Lingwa
BG; CZ; DA; DE; EL; EN; ES; ET; FI; FR; HR; HU; IT; LT; LV; MT; NL; PL; PT; RO; SK; SL; SV
Livell tal-iskola
Primarja; Sekondarja
Livel ta' intervent
Targeted
Intensità tal-intervent
Ongoing
Sorsi ta' finanzjament
Private funding

Kummenti

Żid kumment