KOALA: il-kompetenzi lingwistiċi u l-ħiliet konjittivi fi skejjel multilingwi

KOALA (KOordnierte ALphabetisierung im Anfangsunterricht, jiġifieri l-litteriżmu kkoordinat fl-istruzzjoni elementari) hija kunċett innovattiv permezz tar-rabta tal-litteriżmu mal-kompetenzi multilingwi, li ġiet introdotta fl-iskejjel primarji f’bosta Länder Ġermaniżi. Fin-Nordrhein-Westfalen, il-metodoloġija qiegħda bil-mod il-mod titwessa’ u tiġi adattata għall-popolazzjoni tal-istudenti li kulma jmur qed tinbidel fl-ibliet.
F’ħafna bliet kbar fil-Ġermanja, is-sehem ta’ tfal bi sfond ta’ immigrazzjoni fl-iskejjel primarji huwa ta’ 50 % jew aktar. L-approċċ KOALA jutilizza l-multilingwiżmu naturali ta’ dawn it-tfal, biex dak li bosta jqisuh ta’ xkiel, jiġifieri l-fatt li ħafna studenti jitkellmu lingwa oħra mal-familja li hija differenti mil-lingwa tal-iskola, jissawwar f’vantaġġ.
Il-metodoloġija tat-tagħlim KOALA qed tiġi kontinwament żviluppata iktar, u ma tiqafx mal-kisba ta’ ħiliet ta’ qari u kitba biss, filwaqt li hija marbuta ma’ forom oħra ta’ tagħlim koordinat bejn il-lingwa talmigranti u l-lingwa Ġermaniża. Il-kunċett huwa konformi mar-rekwiżit tal-Kunsill Ewropew ta’ Barċellona 2002, li appella għat-tagħlim ta’ żewġ lingwi oħra minbarra dik materna.
KOALA tikkonsisti fit-tagħlim tal-litteriżmu u suġġetti oħra kemm fil-Ġermaniż kif ukoll bil-lingwa tal-familja tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni. L-esperjenza miksuba sa issa hija fil-biċċa l-kbira mibnija fuq l-integrazzjoni tat-Tork, iżda l-kunċett jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe lingwa. Il-valutazzjonijiet juru li l-istudenti li jiġu mgħallma skont il-metodu KOALA jiksbu livell tajjeb ta’ ħiliet tal-kitba u l-qari biż-żewġ lingwi u livell ogħla fil-Ġermaniż mill-kontrapartijiet tagħhom li ġew mgħallma l-litteriżmu bil-lingwa Ġermaniża biss. Il-vantaġġi l-oħra ta’ KOALA jinkludu immaġni pożittiva tal-lingwa u l-kultura tal-oriġini, li tgħin lill-istudenti jiżviluppaw awtoperċezzjoni pożittiva, trattament kontrastanti taż-żewġ lingwi, it-trawwim tal-kuxjenza lingwistika u kulturali u l-involviment tal-ġenituri bi sfond ta’ migrazzjoni.
L-ispejjeż addizzjonali għall-iskejjel huma prinċipalment marbuta mal-ingaġġ ta’ persunal li jgħallem kemm ta’ oriġini migranti kif ukoll Ġermaniżi.
Kummenti
Żid kumment
Biex iżżid kumment jeħtieġ li tkun illogjat.