JOPO - EDUKAZZJONI BAŻIKA FLESSIBBLI

Il-Finlandja qiegħda tiżviluppa metodi u proċeduri ta' tagħlim innovattivi li jissodisfaw il-ħtiġijiet individwali permezz tat-tagħlim ibbażat fuq l-attività, tagħlim fi gruppi żgħar, tagħlim fuq il-post tax-xogħol u ambjenti ta' tagħlim differenti biex jonqos it-tluq bikri mill-iskola.

Edukazzjoni Bażika Flessibbli (JOPO®) huwa proġett imniedi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni Finlandiż fl-2006. L-għan tiegħu huwa li jiżviluppa metodi u proċeduri ġodda ta' tagħlim li jgħinu jnaqqsu tat-tluq bikri mill-iskola. Dawn il-metodi ġodda jaħsbu għall-ħtiġijiet individwali u jużaw it-tagħlim ibbażat fuq l-attività, tagħlim fi gruppi żgħar, tagħlim fuq il-post tax-xogħol u ambjenti ta' tagħlim differenti. L-attivitajiet tal-JOPO jappoġġjaw lill-istudenti biex itemmu l-istudji tagħhom u japplikaw għal aktar taħriġ permezz ta' kooperazzjoni multiprofessjonali, intervent bikri u kooperazzjoni intensiva bejn l-iskola u d-dar. Il-JOPO huwa maħsub għall-istudenti ta' bejn it-13 u l-15-il sena, fil-livelli 7 sa 9. Fl-2013 kien hemm madwar 1 800 student involut fil-JOPO.

L-attivitajiet tal-JOPO huma organizzati fi gruppi żgħar u mmexxija minn għalliem u professjonist ieħor. L-għalliema normalment ikollhom taħriġ edukattiv speċjali, u l-imsieħba tax-xogħol tagħhom ġeneralment ikunu persuni li jaħdmu maż-żgħażagħ, għalliema taż-żgħażagħ, pedagogi tal-komunità jew assistenti tal-bżonnijiet speċjali. L-aktar forom ta' attività li jintużaw huma t-tagħlim fi gruppi żgħar u l-gwida individwali; tagħlim fuq il-post tax-xogħol u possibilment studji f'suġġetti oħrajn fi gruppi ta' tagħlim ordinarji. Attivatijiet oħrajn jinkludu kampijiet tal-iskola u diversi ħarġiet sabiex jiġi żviluppat l-ispirtu ta' tim u ta' komunità. L-istudenti jipparteċipaw ukoll f'forom ta' tagħlim u korsijiet speċjali mfassla apposta għalihom.

B'mod partikolari, il-gruppi JOPO żviluppaw metodi ta' tagħlim ibbażati fuq l-azzjoni li jenfasizzaw tagħlim kooperattiv u bbażat fuq l-investigazzjoni u t-tagħlim minn proġetti minflok it-tagħlim immexxi minn għalliem. Minflok tagħlim iċċentrat fuq is-suġġetti, il-proġett JOPO żviluppa tagħlim tematiku u użu ta' ħin ibbażat fuq il-bżonnijiet u fuq is-sitwazzjoni. Gruppi differenti jenfasizzaw affarijiet kemmxejn differenti. F'ċerti gruppi, l-enfasi hija aktar fuq tagħlim iggwidat mill-bżonnijiet speċjali u individwali, filwaqt li oħrajn jisħqu fuq it-tagħlim fuq il-post tax-xogħol. L-attivitajiet ta' ċerti gruppi jiffukaw fuq it-tagħlim derivat mill-qawwiet u l-interessi tal-istudenti, li jsaħħu l-assigurazzjoni personali, il-kunfidenza personali u d-direzzjoni futura. Fil-gruppi kollha, il-kompitu edukattiv bażiku, jiġifieri, it-tagħlim ta' ħiliet bażiċi ta' ġestjoni tal-ħajja (ġestjoni tal-ħin, ix-xogħol fi grupp) u mġiba soċjali jieħdu l-parti l-kbira tal-ħin, għad-detriment tal-istruzzjoni proprja.

L-aktar raġunijiet komuni għad-dħul fi grupp JOPO huma problemi ta' motivazzjoni, ħtieġa ta' studju fi grupp żgħir, u n-nuqqas ta' suċċess fl-iskola. Is-sitwazzjonijiet tal-familja u l-ħajja tal-istudenti jkunu aktar diffiċli mill-medja, li jidhru bħala problemi psikosoċjali u inċertezza, u l-gruppi jinkludu proporzjon ogħla mill-medja ta' tfal minn familji b'ġenitur wieħed.

L-attivitajiet JOPO huma effettivi. Is-sitwazzjoni ta' kważi 90 % tal-istudenti tjiebet minn meta bdew il-proġett. F'dak li jirrigwarda lill-istudenti li ma bbenefikawx, ir-raġuni ewlenija għalfejn fallew milli jirnexxu fl-istudji tagħhom anki bil-JOPO kienet is-sitwazzjoni ferm diffiċli tal-familji u tal-ħajja tagħhom. Il-JOPO kellu l-akbar effett tiegħu f'li jiżgura li l-istudenti jiksbu ċ-ċertifikati ta' tluq mill-iskola tagħhom, fit-tnaqqis tal-assenteiżmu u fit-titjib tal-motivazzjoni għall-istudju.

Is-sitwazzjonijiet tal-istudenti kienu affettwati l-aktar mix-xogħol fi gruppi żgħar u mill-appoġġ u l-gwida personali. Forom ta' attività oħrajn effettivi kienu t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, l-intervent immedjat fil-każ tal-assenza u kooperazzjoni intensiva bejn l-iskola u d-dar. Fil-prattika, id-differenzi bejn id-diversi proċeduri tal-JOPO kienu minimi, u r-riżultati juru li l-effetti huma individwali; fi kliem ieħor, is-suċċess ġej aktar mill-isfond u s-sitwazzjoni tal-ħajja tal-istudent milli mill-użu ta' ċerti mudelli ta' azzjoni fil-JOPO. Għalhekk metodu speċifiku jista' jaħdem ma' ċerti studenti u ma' oħrajn ma jaħdimx. Il-fattur li joħloq differenzi bejn il-benefiċċji huwa sa liema punt l-istudent ipparteċipa f'attivitajiet mhux tradizzjonali, speċjalment fit-tagħlim fuq il-post tax-xogħol u f'kampijiet tal-iskola. L-istudenti li bbenefikaw l-aktar mill-JOPO kienu pparteċipaw għal ħafna aktar ġranet fihom milli dawk li ħadu l-inqas benefiċċju.

L-attivitajiet tal-JOPO ġew adottati fuq bażi permanenti, u nkitbu fl-Att dwar l-Edukazzjoni Bażika u fid-Digriet tal-Gvern.

Tip
Practice
Pajjiż
Finlandja
Lingwa
BG; CZ; DA; DE; EL; EN; ES; ET; FI; FR; HR; HU; IT; LT; LV; MT; NL; PL; PT; RO; SK; SL; SV
Livell tal-iskola
Primary; Secondary
Livel ta' intervent
Targeted; Universal
Intensità tal-intervent
Ongoing
Sorsi ta' finanzjament
National government

Kummenti

Żid kumment