L-Iskola Sekondarja Għolja Tgħodd Għalija - il-miżura LYCAM fi Franza

Il-miżura LYCAM (Lycee, ca m' interesse) fi Franza tintuża bħala għodda mill-persunal u mill-konsulenti ta' gwida psikoloġika sabiex jipprevjenu t-Tluq Bikri mill-Iskola. LYCAM hija bbażata fuq kwestjonarju b'għan preventiv, li jipprovdi l-identifikazzjoni bikrija ta' studenti bl-akbar ċans li jħallu l-iskola kmieni, u tippermetti azzjoni xierqa skont it-tip ta' appoġġ meħtieġ.
Il-miżura LYCAM ġiet żviluppata fil-Kanada fis-snin disgħin u dehret fi Franza fil-bidu tas-snin elfejn. Bosta awtoritajiet edukattivi ("akkademji") ħaddnuha, u tintuża bħala għodda mill-persunal u mill-konsulenti ta' gwida psikoloġika sabiex jipprevjenu t-Tluq Bikri mill-Iskola f'bosta stabbilimenti.
LYCAM hija bbażata fuq kwestjonarju b'għan preventiv. Din tipprovdi l-identifikazzjoni bikrija ta' studenti tas-sekondarja bl-akbar ċans li jħallu l-iskola kmieni, u tippermetti azzjoni xierqa skont it-tip ta' appoġġ meħtieġ. Il-kwestjonarju nħoloq abbażi ta' seba' dimensjonijiet:
- l-attitudni tal-familja lejn l-iskola (ir-rwol tal-familja fit-tagħlim ta' wliedhom);
- proġetti akkademiċi tal-iskola (proġetti relatati mal-istudji, l-interess fl-iskola, il-livell ta' aspirazzjoni);
- is-suċċess akkademiku (awtoevalwazzjoni mill-istudent tal-kapaċità tiegħu għax-xogħol u għas-suċċessi akkademiċi);
- il-kunfidenza fil-persuna nfisha (f'dak li jirrigwarda s-suċċess akkademiku);
- l-assenteiżmu (attitudnijiet u mġiba relatati mal-attendenza fl-iskola, l-aċċettazzjoni jew in-nuqqas ta' aċċettazzjoni tar-regoli tal-iskola sekondarja);
- il-ħtieġa ta' sostenn mingħand l-għalliema (il-kwalità tar-relazzjonijiet bejn l-istudent u l-persunal tal-iskola);
- l-interess fl-iskola (l-interess tal-istudenti fl-edukazzjoni tagħhom u fil-ħajja tagħhom fl-iskola).
Il-kwestjonarju jieħu madwar 20 sa 30 minuta biex jimtela. L-iskop ta' dan il-ġbir ta' data huwa li wieħed jitlaq mid-diffikultajiet u l-motivazzjonijiet tal-istudenti u l-opinjoni personali tagħhom dwar l-iskola. Id-dijanjożi tista' tkun kemm individwali kif ukoll kollettiva. Il-konsulent ta' gwida psikoloġika, bħala espert, ikun kompletament involut fl-analiżi tar-riżultati.
Din l-għodda għandha l-benefiċċju li tiffoka l-mistoqsijiet tagħha fuq fatturi direttament relatati mal-kuntest tal-iskola. Għaldaqstant, it-tweġibiet ikunu minnufih rilevanti għall-persunal.
Bil-mistoqsijiet lill-istudenti u bil-mod kif il-kwestjonarju jġiegħlhom jaħsbu dwar l-intensità tas-sentimenti tagħhom, l-għodda tħeġġeġ ukoll lill-istudenti jirriflettu fuq soluzzjonijiet mingħandhom stess. Hija għodda li tiddetermina l-pożizzjoni tal-istudent fil-kuntest tal-ħajja fl-iskola. Mhijiex għodda mmirata biex tevalwa l-livelli tal-ħiliet u tal-għarfien, iżda tissupplimenta dawk diġà stabbiliti.
Skont dawn ir-riżultati, jittieħdu azzjonijiet korrettivi bħal gruppi ta' diskussjoni jew sessjonijiet ta' appoġġ.
- Fajls
- Short description
Kummenti
Żid kumment
Biex iżżid kumment jeħtieġ li tkun illogjat.