POTHOLES - INIZJATTIVA TA' IMPENN MILL-ĠENITURI FL-IRLANDA

L-inizjattiva POTHOLES hija eżempju eċċellenti ta' skejjel fl-Irlanda li jilħqu familji emarġinati lil hinn mill-metodi tradizzjonali jew formali ta' parteċipazzjoni. L-inizjattiva POTHOLES ġiet iffurmata f'Jannar 2011 bl-għan li tgħin lill-ġenituri ta' sfond u kulturi differenti jiltaqgħu ma' ġenituri oħrajn mill-iskola tagħhom stess u minn skejjel simili u jaqsmu l-esperjenzi. Għan ewlieni huwa li jiġu involuti ġenituri li forsi jħossuhom iżolati mis-sistema tal-iskola jew li ma jkunux familjari magħha, billi jinvolvuhom aktar fl-attivitajiet u fid-deċiżjonijiet tal-iskola, u jintroduċuhom ma' firxa ta' opportunitajiet ta' tagħlim.

Dan huwa grupp li ġie ffurmat f'Jannar 2011 mill-koordinaturi tal-Home School Community Liaison Scheme (HSCL) tat-tliet skejjel sekondarji f'West Tallaght: Killinarden Community School, Mount Seskin Community College u St. Aidan’s Community School. 

Il-grupp jorganizza ġiti għall-ġenituri kull erba' jew sitt ġimgħat f'postijiet ta' interess storiku, soċjali jew politiku. Il-ġiti jitħallsu kollha mill-baġit tal-HSCL. Kull skola normalment iġġib minn tmienja sa għaxar ġenituri. Il-ġiti normalment idumu nofstanhar biex il-ġenituri jkollhom iċ-ċans jirritornaw lura biex jiġbru t-tfal tagħhom mill-iskola. Id-destinazzjonijiet iridu jkunu sa massimu ta' siegħa vjaġġ 'il bogħod minn Tallaght. Fl-aħħar tas-sena tiġi organizzata ġita aktar elaborata ta' ġurnata. Il-vjaġġ normalment jispiċċa b'ikla ħafifa ta' nofsinhar. Kull vjaġġ ikun iggwidat u l-ġenituri jingħataw ftit informazzjoni jew tagħrif storiku kif ukoll materjal ta' qari x'jieħdu magħhom lura d-dar.

POTHOLES ġie ppremjat bis-South Dublin County Social Inclusion Award fl-2012. Sal-lum saru 17-il ġita, l-aktar f'mużewijiet jew siti oħrajn kulturali u naturali.

Għanijiet u eżiti tal-Grupp

  • Li jipprovdi ħarġa pjaċevoli u mistħoqqa lill-ġenituri impenjati
  • Li jgħin lill-ġenituri ta' sfond u kulturi differenti jiltaqgħu ma' ġenituri oħrajn mill-iskejjel tagħhom stess jew minn skejjel oħrajn simili u jaqsmu l-esperjenzi
  • Il-ġenituri kollha jippruvaw jistiednu lil xi ħadd ieħor għall-ġita li jkun imiss, speċjalment xi ġenitur li jħossu iżolat jew waħdu, u jinfurmawhom dwar il-benefiċċji li jkunu f'dan il-grupp
  • Li joffri ambjent ta' tagħlim pjaċevoli u rilassat lill-adulti
  • Li jintroduċi lill-ġenituri għal opportunitajiet u inizjattivi oħrajn li l-iskejjel jistgħu jipprovdu
  • Il-ġenituri mbagħad jistgħu jieħdu lit-tfal tagħhom stess fil-postijiet li jkunu żaru ma' POTHOLES u wkoll jakkumpanjaw u jgħinu lill-għalliema fl-organizzazzjoni ta' żjarat edukattivi mal-istudenti
  • Li jiġi ffurmat grupp ristrett ta' Ġenituri tal-Iskola Sekondarja ta' Tallaght biex jorganizza attivitajiet oħrajn għall-ġenituri
  • Il-ġenituri jkunu jistgħu, jekk iridu, jaċċessaw jew ikomplu l-edukazzjoni formali
  • POTHOLES jippermetti li l-iskejjel ikollhom grupp ta' ġenituri ma' min jikkonsultaw, li jgħinuhom jiffurmaw kumitati jew li jfittxu pariri mingħandhom
  • POTHOLES iżid il-kunfidenza tal-ġenituri meta jikkuntattjaw lill-iskola jew jittrattaw magħha u jwassal għal eżiti aktar pożittivi rigward l-edukazzjoni ta' wliedhom.

 

Il-futur

Dan il-grupp kien ta' suċċess kbir. Il-ġenituri jħobbu dawn il-ġiti u kull wieħed mill-għanijiet sar riżultat tanġibbli għal bosta ġenituri. Il-ġenituri huma animati u involuti f'kull aspett tal-grupp u huwa rari li xi ħadd minnhom jitlef ġita. Il-membri jgħidu b'mod ċar li qegħdin jitgħallmu b'mod pjaċevoli u faċli. Qegħdin jaqsmu l-informazzjoni bejniethom rigward appoġġ, servizzi u opportunitajiet soċjali fil-komunità. Ċerti ġenituri saħansitra qalu li l-grupp bidlilhom ħajjithom. Ħafna mill-ġenituri issa jiltaqgħu kull ġimgħa fl-iskola u jixorbu kikkra te u jitħaddtu bejniethom.

Il-ġenituri issa jmexxu u jorganizzaw il-grupp. Barra minn dan, issa bdew jiltaqgħu kull ġimgħa sabiex flimkien jagħmlu proġett b'ritratti u kliem li jirrakkontaw fil-qosor l-istorja, ix-xogħol u l-benefiċċji tal-grupp għall-membri tiegħu. Ħafna ġenituri ddikjaraw li din kienet l-ewwel darba li bdew jiktbu wara ħafna snin u li għall-ewwel darba tkellmu b'mod miftuħ ma' ġenituri oħrajn dwar ħajjithom. Il-grupp kien ukoll pjattaforma għal bosta ġenituri biex jaċċessaw jew isiru involuti f'korsijiet, attivitajiet, kumitati, servizzi jew opportunitajiet oħrajn fl-iskola jew fil-komunitajiet li jappartjenu għalihom.

Attwalment l-iskejjel qegħdin jonfqu madwar € 900 fis-sena bejniethom sabiex jorganizzaw dawn il-ġiti. Dan il-mudell jista' jaħdem fi kwalunkwe żona, huwa sempliċi u ta' benefiċċju kbir għall-individwi, għall-familji, għall-komunità u għall-iskejjel.

Tip
Practice
Pajjiż
Irlanda
Lingwa
BG; CZ; DA; DE; EL; EN; ES; ET; FI; FR; HR; HU; IT; LT; LV; MT; NL; PL; PT; RO; SK; SL; SV
Livell tal-iskola
Secondary
Livel ta' intervent
Targeted
Intensità tal-intervent
Ongoing
Sorsi ta' finanzjament
National government

Kummenti

Żid kumment