SWALI TA' STUDJU GĦALL-ISTUDENTI ROM

Fis-snin disgħin, bl-appoġġ tal-fondi tal-UE, ġew stabbiliti swali ta' studju (Tanoda) fl-Ungerija, bl-għan li jingħata appoġġ lill-istudenti żvantaġġjati u Rom. Is-swali ta' studju joffru firxa komprensiva ta' servizzi li jgħinu liż-żgħażagħ, bit-tagħlim bħala punt ċentrali. Is-swali ta' studju jipprovdu appoġġ għat-tagħlim, programmi extra-kurrikulari varjati u appoġġ ieħor f'oqsma oħrajn jekk ikun meħtieġ. Fis-swali ta' studju l-istudenti jingħataw għajnuna bix-xogħol tad-dar, bix-xogħol fil-klassi u jiżviluppaw il-ħiliet tat-tagħlim u s-sens ta' komunità tagħhom.

Fl-Ungerija, fejn is-sistema tal-edukazzjoni saret ferm selettiva fid-disgħinijiet, l-opportunitajiet ta' tagħlim għall-istudenti żvantaġġjati u Rom huma limitati meta mqabbla mal-maġġoranza tal-istudenti. L-iskejjel li fihom jattendu l-istudenti żvantaġġjati u Rom normalment jinsabu f'żoni mbiegħda fit-Tramuntana u fil-Grigal tal-pajjiż. Il-kundizzjonijiet infrastrutturali, finanzjarji u r-riżorsi umani ta' dawn l-iskejjel huma meqjusa dgħajfa.

Fis-snin disgħin, ġie stabbilit mudell sperimentali ta' tagħlim organizzat barra mill-iskola minn xi għalliema żgħażagħ u avukati. L-għan tagħhom kien li jipprovdu appoġġ lill-istudenti żvantaġġjati u Rom sabiex jippreparawhom għall-eżami tat-tluq mill-iskola (grad 12) li jippermettilhom javvanzaw għall-edukazzjoni għolja.

Mill-2004 'il quddiem, il-fondi tal-UE intużaw sabiex jiġu stabbiliti swali ta' studju f'reġjuni żgħar u insedjamenti żvantaġġjati fil-pajjiż. L-għanijiet tal-proġetti kienu li jiġi żgurat suċċess akbar għall-istudenti, tnaqqis tal-ostakli għat-tagħlim u t-tisħiħ tal-identità kulturali tal-istudenti. 

Is-sala ta' studju hija żona tal-komunità mibnija fuq il-ħtiġijiet lokali, bil-parteċipazzjoni volontarja taż-żgħażagħ u mmexxija minn organizzazzjoni mhux governattiva b'infrastruttura indipendenti. Din tipprovdi servizzi kumplessi li jiffukaw fuq l-iżvilupp globali tal-persuna u li aktarx ma jkunux disponibbli għal ċerti tfal u żgħażagħ li jgħixu fil-periferija soċjali.

L-għanijiet ewlenin tas-swali ta' studju huma: it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-għalliema u l-istudenti; il-provvediment ta' spazju għat-tagħlim għall-istudenti żvantaġġjati; l-integrazzjoni tal-ġenituri Rom fil-komunità; l-identifikazzjoni ta' tfal b'talent u l-għoti ta' appoġġ lilhom; it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, tar-ripetizzjoni tas-sena u tal-qgħad; l-iżvilupp tal-ħiliet soċjali għall-impjieg; it-titjib tal-ħajja kulturali; il-provvediment ta' attivitajiet extra-kurrikulari għal żgħażagħ żvantaġġjati; l-offerta ta' mpjieg lil ħaddiema bi ftit kompetenzi professjonali; it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-iskejjel u l-komunità; l-għoti ta' taħriġ lill-għalliema futuri; is-servizz ta' gwida u l-għoti ta' ikliet lill-istudenti.

Tip
Practice
Pajjiż
Ungerija
Lingwa
BG; CZ; DA; DE; EL; EN; ES; ET; FI; FR; HR; HU; IT; LT; LV; MT; NL; PL; PT; RO; SK; SL; SV
Livell tal-iskola
Primary; Secondary
Livel ta' intervent
Targeted
Intensità tal-intervent
Ongoing
Sorsi ta' finanzjament
European Funding

Kummenti

Żid kumment