APPOĠĠ LILL-ISTUDENTI ROM FIL-FINLANDJA

Il-Finlandja introduċiet miżuri sabiex tappoġġja lit-tfal bi sfond Rom jipparteċipaw f'edukazzjoni bażika ta' kwalità. Bejn l-2008 u l-2011 ġew allokati total ta' EUR 1,8 miljun għal dawn il-miżuri. Approċċ li rnexxa ħafna huwa l-introduzzjoni ta' assistenti tal-iskola minn sfond Rom sabiex jgħinu lill-istudenti Rom żgħar.

L-attivitajiet ta' żvilupp għall-istudenti Rom fl-edukazzjoni bażika bdew fl-2008 bħala parti mill-iżvilupp usa' tal-kwalità tal-edukazzjoni bażika fil-Finlandja. Fir-rebbiegħa tal-2008, il-muniċipalitajiet ingħataw il-possibbiltà li japplikaw għal sussidji mill-gvern sabiex jappoġġjaw l-edukazzjoni bażika tal-istudenti Rom. L-ammont totali ta' sussidju mill-gvern għal din l-azzjoni matul is-snin tal-2008 u l-2011 kien ta' EUR 1,8 miljun. Matul dan iż-żmien, 31 muniċipalità rċevew sussidju mill-gvern. B'riżultat ta' dan sa 80 % tal-istudenti Rom kollha bbenefikaw mis-sussidju.

L-attivitajiet ta' żvilupp għandhom l-għan li jkunu effettivi u olistiċi fuq livell nazzjonali u li jibqgħu għal żmien twil. Huma mmirati mhux biss lejn l-istudenti, iżda wkoll lejn il-kustodji tagħhom, l-għalliema u l-iskejjel. Il-muniċipalitajiet huma mistennija li jagħmlu dawn l-attivitajiet ta' żvilupp permanenti u parti mill-ħajja ta' kuljum tal-iskola. Dawn l-attivitajiet jinkludu:

  • Il-laqgħa mal-istudent Rom;
  • Il-promozzjoni tat-tolleranza u ta' relazzjonijiet etniċi tajba u ż-żieda tal-għarfien dwar il-kultura Rom;
  • L-inkoraġġiment tal-kuntatt bejn ir-Rom u l-maġġoranza tal-popolazzjoni fil-komunità tal-iskola;
  • L-iżvilupp tal-identità tal-istudent Rom;
  • Il-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwa Romani;
  • Il-promozzjoni tal-possibbiltajiet tat-tagħlim għall-istudenti Rom;
  • L-iżvilupp tal-edukazzjoni għall-istudenti Rom li jenħtieġu appoġġ speċjali;
  • It-titjib tal-kooperazzjoni bejn id-dar Rom u l-iskola;
  • L-ikkunsidrar tal-isfond differenti tal-istudenti Rom fil-pedagoġija waqt l-iżvilupp tal-materjal pedagoġiku.

Mod kif jingħata appoġġ lill-edukazzjoni bażika tal-istudenti Rom huwa li jiġu ingaġġati assistenti tal-iskola Rom. Din il-miżura rnexxiet; illum hawn ħafna muniċipalitajiet li ngaġġaw assistenti bi sfond Rom fl-iskejjel tagħhom bir-riżorsi tagħhom stess.

Tip
Practice
Pajjiż
Finlandja
Lingwa
BG; CZ; DA; DE; EL; EN; ES; ET; FI; FR; HR; HU; IT; LT; LV; MT; NL; PL; PT; RO; SK; SL; SV
Livell tal-iskola
Primary; Secondary
Livel ta' intervent
Targeted
Intensità tal-intervent
Ongoing
Sorsi ta' finanzjament
National government

Kummenti

Żid kumment