Home School Community Liaison Scheme

“Huwa ċar mill-esperjenza Irlandiża li inizjattivi edukattivi bbażati fl-iskejjel kapaċi jżidu l-livell edukattiv tal-adulti involuti, u jirriżultaw f’sens ġenerali ta’ tqawwija fil-komunità lokali. L-involviment tal-ġenituri, speċjalment f’żoni ta’ deprivazzjoni soċjoekonomika, mhux biss ikun ta’ benefiċċju għat-tfal u għall-iskola - huwa aspett kruċjali tat-tagħlim tul il-ħajja” (Parents as Partners in Schooling, OECD 1997)
L-Iskema HSCL hija strateġija preventiva, immirata lejn l-istudenti li qegħdin fir-riskju li ma jilħqux il-potenzjal tagħhom fis-sistema edukattiva, minħabba ċirkustanzi tal-kuntest tagħhom li għandhom it-tendenza li jaffettwaw b’mod negattiv kemm se jirnexxu bħala studenti u jekk jibqgħux imorru l-iskola. L-iskema tiffoka direttament fuq l-adulti l-iktar importanti fil-ħajja tat-tfal, sabiex dawn ikunu jistgħu jkunu f’qagħda aħjar biex jappoġġaw l-attendenza, il-parteċipazzjoni u t-tkomplija tal-attendenza tat-tfal fis-sistema edukattiva. L-iskema għandha l-għan li tippromwovi s-sħubija bejn il-familji u l-iskejjel, li tressaq il-ġenituri aktar qrib it-tagħlim tat-tfal tagħhom, u li ssawwar il-kapaċità lill-ġenituri, b’tali mod li jiġi żgurat li jkunu jistgħu jappoġġaw u jikkontribwixxu lejn esperjenza b’suċċess tat-tfal fis-sistema edukattiva.
Il-Koordinaturi tal-HSCL huma għalliema li jirċievu erbat ijiem taħriġ introduttorju mal-ħatra tagħhom fil-pożizzjoni HSCL; matul dan it-taħriġ jiġu spjegati b'mod ċar l-aspetti kollha tal-iżvantaġġ edukattivi, filwaqt li jiġu deskritti l-kriterji għall-kontrolli mmirati. Barra minn hekk, it-Tim tal-Maniġment Superjuri, Tusla, jikkoordina direttament mal-iskejjel u r-raggruppamenti tal-HSCL sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konsistenza fl-approċċ u ċarezza rigward l-importanza li tingħata lill-mod kif jiġu mmirati l-istudenti, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-inizjattivi meħuda bħala parti mill-mandat tal-HSCL ikollhom eżitu edukattiv ċar. Il-Koordinatur tal-HSCL u l-iskola li tkun, b’mod konġunt, jagħżlu u jimplimentaw inizjattivi li huma jaqblu li jkunu l-aktar xierqa għal skola jew żona speċifika.
Il-Koordinaturi tal-HSCL jingħataw Żvilupp Professjonali Kontinwu (CPD) u l-prattikanti jwasslu moduli tal-aħjar prattika ta’ kwalità għolja, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell lokali. Bħala parti mill-persunal tal-iskola, il-Koordinaturi tal-HSCL jirċievu wkoll taħriġ fir-rigward ta’ Protezzjoni tat-Tfal, Bżonnijiet Edukattivi Speċjali, eċċ. Il-Koordinaturi tal-HSCL iridu wkoll jieħdu CPD fis-suġġetti tagħhom, sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn effiċjenti tagħhom fil-klassi wara ħames snin fil-kariga. Barra minn hekk, qed isir proċess ta’ kejl, f’termini ta’ indikaturi tal-prestazzjoni, bil-ħsieb li jiġu żgurati b’mod ċar ir-responsabbiltajiet, ir-riżultati u l-miri xierqa li jirriflettu kemm in-natura kwantitattiva kif ukoll dik kwalitattiva tal-Iskema HSCL.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-immirar tat-tfal f’riskju, huwa fattur ewlieni li l-għalliema jingħataw appoġġ u aġġornar tal-ħiliet fir-rikonoxximent tal-indikaturi u fit-tiswir ta’ għarfien qawwi. It-tfal f’riskju ta’ abbandun bikri tal-iskola huma identifikati b’konsultazzjoni mal-Maniġment tal-Iskola, u f’dan il-punt jitqiesu fatturi bħal dawn elenkati hawn taħt:
- L-isfond soċjoekonomiku tagħhom
- Anteċedenti ta’ abbandun bikri tal-iskola fil-familja
- Familja b’ġenitur wieħed
- Familja ta’ Travellers Irlandiżi[1]
- Attendenza fqira
Il-lista fil-mira tiġi ssorveljata b'mod kontinwu u aktar tfal jiġu identifikati hekk kif il-kwistjonijiet ifeġġu matul is-sena. Il-koordinaturi tal-HSCL huma għalliema kkwalifikati u bl-esperjenza, u bħala tali, huma midħla sew tar-rikonoxximent tal-indikaturi u għandhom għarfien qawwi tal-kwistjonijiet li qed jiffaċċjaw it-tfal żvantaġġati mil-lat edukattiv u l-familji tagħhom.
[1]“It-Travellers Irlandiżi huma minoranza indiġena li, skont l-evidenza storika, ilhom parti mis-soċjetà Irlandiża sekli sħaħ. Huma kkaratterizzati minn storja komuni twila, sistema ta’ valuri, lingwa, drawwiet u tradizzjonijiet li jagħmluhom grupp rikonoxxut minnhom infushom u minn ħaddieħor bħala distint. Il-kultura u l-istil ta’ ħajja distintivi tagħhom, imsejsa fuq tradizzjoni nomada, jifirduhom mill-popolazzjoni sedentarja” (Silta maqluba għall-Malti mir-“Report and Recommendations for a Traveller Education Strategy” ippubblikat fl-2006).
- Fajls
- Deskrizzjoni dettaljata
- Links
- Ministry website
Kummenti
Żid kumment
Biex iżżid kumment jeħtieġ li tkun illogjat.