3. Appoġġ lill-istudenti
Il-ħtiġijiet tal-istudenti għandhom ikunu fil-qalba tal-edukazzjoni. L-istudenti kollha għandhom dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità kbira, kurrikulu rilevanti, assessjar xieraq, opportunitajiet indaqs tat-tagħlim u li dawn jiġu apprezzati. L-iskejjel għandhom jipprovdu ambjent li jilqa’ d-diversità tal-istudenti, b’mod li jkun jinkludi l-bosta ħtiġijiet tat-tagħlim, ħalli jiġi sfruttat kull potenzjal ta’ kull żagħżugħ u żagħżugħa. L-edukazzjoni ta’ kwalità trid titfassal biex taqdi l-ħtiġijiet tal-istudenti minflok biex titlobhom jaddattaw għas-sistema mħaddma. B’hekk niżguraw li dawn ikunu qed jieħdu sehem fil-proċess edukattiv, u jsibu skop ċar għall-istudji tagħhom. Dawn huma inċentivi importanti biex l-istudenti jibqgħu jattendu l-iskola.
Hu importanti li matul l-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal jingħarfu d-diffikultajiet potenzjali fit-tagħlim u li jingħata appoġġ xieraq anki qabel ma t-tfal jidħlu fl-iskola primarja. Sew jekk id-dijanjożi ssir fl-istadju tal-prevenzjoni u sew jekk issir aktar tard, l-iskejjel għandhom ikunu kapaċi jidentifikaw malajr id-diffikultajiet jew sinjali ta’ nuqqas ta’ impenn konjittiv, emozzjonali u ta’ mġiba, u jkunu lesti u mgħammra biex jindirizzaw is-sitwazzjoni. Fis-seħħ għandu jkun hemm qafas ta’ appoġġ li jiġbor firxa wiesgħa ta’ miżuri diversifikati għal gruppi differenti ta’ studenti. Jistgħu jiġu identifikati tliet livelli ta’ intervent:
- Appoġġ universali – għall-istudenti kollha
- Appoġġ immirat – għal gruppi ta’ studenti b’livelli moderati ta’ riskju jew ta’ ħtiġijiet
- Appoġġ individwali – intervent intensiv f’livelli kroniċi jew estremament għoljin ta’ riskju jew ta’ ħtiġijiet
Il-qafas ta’ appoġġ għall-istudenti għandu jkun ħolistiku u komprensiv, billi jindirizza d-dimensjonijiet kollha tal-ħajja tal-istudent: akkademika, emozzjonali, tas-saħħa, eċċ. L-enfasi għandha ssir fuq il-kisba tal-fiduċja, ir-rabtiet emozzjonali u l-motivazzjoni għall-edukazzjoni. L-appoġġ għandu jkun inklużiv u konxju mill-istigma li jaf ikun hemm b’rabta mal-klassifikazzjoni bħala student f’riskju.
L-interventi mmirati u individwali għall-istudenti f’riskju jkunu aktar effettivi jekk jagħmluhom timijiet multidixxiplinari (fl-iskejjel jew billi jinġiebu professjonisti esterni fl-iskejjel), u jkunu involuti dawk kollha li jinteraġixxu mal-istudenti, sew jekk ikunu membri tal-familja, aħwa jew voluntiera. Jista’ jsir pjan ta’ appoġġ individwali, miftiehem mal-istudent u mal-familja tiegħu, biex jgħin ħalli jitfasslu miri ċari u fattibbli biex jingħelbu l-problemi u jiġi sorveljat il-progress.
Eżempju ta’ sistema ta’ appoġġ diversifikat (fi tliet livelli) għall-istudenti: il-Finlandja
Is-sistema tal-edukazzjoni bażika Finlandiża ilha bbażata fuq il-filosofija tal-inklużjoni għal żmien twil. L-edukazzjoni bażika hija l-istess għal kulħadd. Ma hemm l-ebda streaming jew tracking, iżda t-tfal jiġu appoġġati individwalment biex itemmu b’suċċess l-edukazzjoni bażika tagħhom. L-emendi fil-Kurrikuli Ċentrali Nazzjonali għall-edukazzjoni bażika u ta’ qabel il-primarja (2010) fihom mod sistematiku ġdid kif jiġi organizzat l-appoġġ. L-enfasi ssir fuq l-aktar appoġġ bikri possibbli biex ikun evitat li jfeġġu jew jikbru l-problemi.
L-appoġġ għall-iżvilupp, it-tagħlim u l-attendenza fl-iskola hu organizzat fi tliet kategoriji: appoġġ ġenerali, intensifikat u speċjali.
Kulħadd huwa intitolat għall-appoġġ ġenerali. Dan huwa parti naturali mill-proċess tat-tagħlim ta’ kuljum. L-appoġġ intensifikat u speċjali hu bbażat fuq valutazzjoni bir-reqqa minn timijiet multiprofessjonali u pjanijiet tat-tagħlim individwali biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet għal żmien fit-tul.
Jekk l-appoġġ ġenerali ma jkunx biżżejjed, issir valutazzjoni individwali u jiġi żviluppat pjan għall-appoġġ intensifikat fil-grupp għall-benesseri tal-istudenti tal-iskola. Wara dan, jitfassal pjan tat-tagħlim.
Jekk l-appoġġ intensiv ma jkunx biżżejjed, jiġu żviluppati dikjarazzjonijiet pedagoġiċi ġodda u aktar estensivi. Il-fornitur tal-edukazzjoni jiġbor l-informazzjoni mingħand l-għalliema u l-grupp għall-benesseri tal-iskola. Din l-informazzjoni sservi ta’ bażi għall-edukatur biex ikun jista’ jieħu deċiżjoni uffiċjali dwar l-appoġġ speċjali. Wara din id-deċiżjoni, jinħoloq pjan tal-edukazzjoni individwali li jkun inklużiv.
Aktar informazzjoni:
Downes, P., 2011, Multi/Interdisciplinary Teams for Early School Leaving Prevention: Developing a European Strategy Informed by International Evidence and Research, dokument ta’ riċerka tan-NESET.
ECORYS, Preventing early school leaving in Europe: Lessons learned from second chance education, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2014.
Eurydice u Cedefop, Tackling Early Leaving from Education and Training in Europe: Strategies, Policies and Measures, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2014.
Nouwen, W., Clycq, N., Braspenningx, M., u Timmerman, C., Cross-case Analyses of School-based Prevention and Intervention Measures, Project Paper 6, RESl.eu Project, Ċentru għall-Istudji dwar il-Migrazzjoni u l-Istudji Interkulturali, l-Università ta’ Antwerp, 2016.
Qari addizzjonali:
Dynarski, M., Clarke, L., Cobb, B., Finn, J., Rumberger, R., and Smink, J., Dropout prevention: A practice guide, National Center for Education Evaluation and Regional Assistance, Institute of Education Sciences, U.S. Department of Education, Washington, D.C., 2008.
Lamb, S, Markussen, E, Teese, R, Sandberg, N, Polesel, J (eds.) School Dropout and Completion: International comparative studies in theory and policy, Springer, Dordrecht-Heidelberg-London New York, 2011.
Rumberger, R.W. ‘Why students drop out of school’, in Gary Orfield (Ed.), Dropouts in America: Confronting the graduation rate crisis (pp.131-155), Harvard Education Press, Cambridge, MA, 2004.
Rumberger, R.W., and Lim, S. Why students drop out of school: A review of 25 years of research, California Dropout Research Project, UC Santa Barbara, 2008.