Entità importanti tar-riċerka turi li l-appoġġ li l-istudenti jirċievu mingħand l-għalliema huwa l-aktar fattur importanti li jiddetermina l-involviment tagħhom fl-iskola. Instab li din ir-relazzjoni b’saħħitha tapplika fejn jidħlu l-benesseri u l-attitudnijiet fil-qasam soċjali, emozzjonali u dak tal-imġiba. L-għalliema qed ikunu mistennija dejjem aktar isiru faċilitaturi tat-tagħlim. L-għalliema jistgħu jgħinu lill-istudenti biex jaħkmu t-tagħlim tagħhom stess billi jimmotivawhom, jiggwidawhom u jweżnuhom kontinwament. Għaldaqstant l-għalliema jeħtieġ jiżviluppaw relazzjoni soda u bbażata fuq il-fiduċja mal-istudenti u mal-ġenituri tagħhom.
Anki l-ħiliet u l-kompetenzi tal-għalliema huma ferm importanti, u dawn jistgħu jinkisbu biss bi professjonalizzazzjoni eċċellenti tal-għalliema. Dawn il-kundizzjonijiet jappoġġaw l-iżvilupp ta’ klimi pożittivi fil-klassijiet u fl-iskola. B’hekk ikompli jiżdied iċ-ċans li t-tagħlim ikun rilevanti u interessanti, filwaqt li l-benesseri tal-għalliema jista’ jitjieb ukoll.
L-għalliema jiltaqgħu kuljum mal-istudenti u għalhekk jistgħu jagħrfu minn kmieni ħafna jekk l-istudenti jkunux interessati jew le u/jew jekk għandhomx xi diffikultajiet fit-tagħlim. Għalhekk dawn jistgħu jieħdu azzjoni mingħajr dewmien biex jindirizzaw il-qagħda tal-istudent. L-għalliema jistgħu jgħinu wkoll biex jinstabu l-fatturi li jgħinu biex tinħoloq klima ħażina fl-iskola u oqsma oħra li jkunu jeħtieġu aktar appoġġ professjonali.
Xi studji riċenti jenfasizzaw il-ġid tal-kollaborazzjoni bejn l-għalliema u professjonisti oħra. L-għalliema fi skejjel b’kulturi kollaborattivi msejsa fuq l-appoġġ reċiproku ta’ sħabhom u tal-kap tal-iskola u b’opportunitajiet biex jieħdu sehem attiv fid-deċiżjonijiet tal-iskola, jirrapportaw livelli ogħla ta’ sodisfazzjon fix-xogħol tagħhom. Il-prattika kollaborattiva tappoġġa l-iżvilupp professjonali u tikkontribwixxi għal kulturi ta’ skejjel imsejsa fuq għanijiet, motivazzjonijiet, responsabbiltajiet u valuri komuni.
Għalkemm maż-żmien, l-għalliema jfanndu l-ġudizzju professjonali tagħhom, dawn jeħtieġ ukoll jiżviluppaw ħiliet u kompetenzi ġodda b’mod kontinwu permezz ta’ żvilupp professjonali kontinwu (CPD). L-edukazzjoni inizjali tal-għalliema (ITE) jaf ikollha bżonn ukoll li tiġi aġġornata biex tiskopri approċċi ġodda.
L-għalliema jaf ikunu jeħtieġu ċertu appoġġ addizzjonali. Pereżempju, il-mentoraġġ għall-għalliema l-ġodda, il-konsulenza u l-appoġġ emozzjonali, aktar ħin u spazju għall-ħidma fi gruppi u l-iskambji informali bejn l-għalliema, in-netwerking ma’ kollegi fi skejjel oħra, l-appoġġ fil-ġestjoni tal-istress u l-kunflitti huma lkoll essenzjali. Dawn l-aspetti huma ferm importanti għall-għalliema li jaħdmu f’kuntesti aktar diffiċli, bħall-iskejjel b’livelli għoljin ta’ żvantaġġ edukattiv jew gruppi ta’ studenti eteroġeni ħafna.
Aktar informazzjoni:
Il-Kummissjoni Ewropea, Strengthening teaching in Europe: New evidence from teachers compiled by Eurydice and CRELL, June 2015, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2015.
Il-Kummissjoni Ewropea/EACEA/Eurydice, The Teaching Profession in Europe: Practices, Perceptions and Policies, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2015.
RESL.eu - Reducing Early School Leaving in Europe, proġett tal-UE ffinanzjat mis-Seba’ Programm Qafas, dokumenti dwar il-proġetti.
Qari addizzjonali:
Day, L, Mozuraityte, N, Redgrave, K, McCoshan, A., Preventing early school leaving in Europe: Lessons learned from second chance education, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2013
Schools policy: A whole school approach to tackling early school leaving, Education & Training 2020, il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2015
McHugh, R, Horner, C, Colditz, J, Wallace, T., ’Bridges and Barriers: Adolescent Perceptions of Student-Teacher Relationships’, Urban Education, Vol. 48, Nru 1, 2012, pp. 9-43. doi:10.1177/0042085912451585
Nairz-Wirth, E,, Feldmann, K., Diexer, B., Handlungsempfehlungen für Lehrende, Schulleitung und Eltern zur erfolgreichen Prävention von Schulabsentismus und Schulabbruch. Aufbruch zu einer neuen Schulkultur, l-Università tal-Ekonomija u l-Kummerċ ta’ Vjenna, Vjenna, 2012
Nouwen, W., Clycq, N., Braspenningx, M., u Timmerman, C., Cross-case Analyses of School-based Prevention and Intervention Measures, Project Paper 6, RESl.eu Project, iċ-Ċentru għall-Istudji dwar il-Migrazzjoni u l-Istudji Interkulturali, l-Università ta’ Antwerp, 2016