1. Il-governanza tal-iskejjel
Biex l-iskejjel jindirizzaw sew ċerti kwistjonijiet kumplessi bħal dik tat-tluq bikri mill-iskola, dawn jeħtieġ imorru lil hinn minn miżuri temporanji u iżolati u jħaddmu approċċ strateġiku li jqis l-iskola kollha kemm hi. B’approċċ skolastiku sħiħ, l-iskejjel isiru ambjenti tat-tagħlim li jikkollaboraw bejniethom. Il-komunità skolastika kollha (il-mexxejja tal-iskola, il-persunal akkademiku u mhux akkademiku, il-ġenituri u l-familji), flimkien mal-partijiet konċernati esterni, jieħdu r-responsabbiltà biex jgħinu lil kull student jiżviluppa għalkollox l-abbiltajiet tiegħu.
B’approċċ skolastiku sħiħ, il-partijiet konċernati kollha jitħabtu biex itejbu l-kwalità u l-istandards tat-tagħlim. L-għan li l-istudenti jingħataw l-għajnuna biex jilħqu l-potenzjal waħdieni tagħhom jitħeġġeġ b’mod konsistenti u sistematiku fid-dimensjonijiet kollha tal-ħajja skolastika, jiġifieri: l-etos u l-ambjent; fil-kurrikulu; fit-tagħlim mogħti u rċevut u fl-assessjar; fir-rabtiet mal-komunità u ma’ atturi esterni oħra, u l-bqija. Il-viżjoni komuni tal-membri kollha tal-komunità skolastika hija li joħolqu edukazzjoni inklużiva u madwar l-istudent, u li jinvolvu ruħhom biex l-iskola timxi ’l quddiem. Hemm bżonn li jsiru ppjanar, monitoraġġ u evalwazzjoni tajbin tal-proċessi u tal-prattiċi mħaddma fl-iskola u li ssir valutazzjoni effettiva tat-tagħlim.
Hemm bżonn tmexxija u governanza effettivi biex fl-iskejjel jiġu promossi kultura u etos aktar koeżivi u kollaborattivi u biex jimxu id f’id mal-komunità usa’. Il-mexxejja tal-iskejjel jaqdu rwol ewlieni. L-istrateġiji għar-reklutaġġ, l-iżvilupp professjonali u l-appoġġ tagħhom huma tassew importanti. L-iżvilupp professjonali tal-kapijiet tal-iskejjel stabbiliti u futuri joħroġ fid-dieher l-aktar l-importanza ta’ approċċi kollaborattivi u l-importanza tal-familji u l-komunitajiet bħala riżorsa għall-iskola.
Anki f’sistemi skolastiċi aktar ċentralizzati, hu importanti li l-iskejjel ikollhom biżżejjed flessibbiltà u awtonomija. Il-persunal fl-iskejjel huma l-aħjar persuni biex jidentifikaw u jwieġbu għall-ħtiġijiet konkreti u xi drabi kumplessi tal-istudenti tagħhom, u biex isibu prattiċi u approċċi xierqa tat-tagħlim ħalli jitwettaq il-kurrikulu.
Eżempju ta’ Approċċ Skolastiku Sħiħ: l-Irlanda
Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet fl-Irlanda jippromwovi l-approċċ skolastiku sħiħ b’firxa ta’ inizjattivi fosthom biex titrawwem kultura korporattiva bbażata fuq valuri u viżjoni komuni, biex jinħoloq approċċ multidixxiplinari li jappoġġa l-ħtiġijiet tal-istudenti, u biex il-partijiet konċernati tal-iskejjel jinvolvu ruħhom iżjed fir-riflessjoni kollettiva u individwali. L-inizjattivi huma żviluppati u implimentati l-aktar bi sħab ma’ setturi oħra tal-gvern u b’kollaborazzjoni ma’ partijiet konċernati ewlenin.
Il-Litteriżmu u n-Numeriżmu: L-Istrateġija Nazzjonali għal-Litteriżmu u n-Numeriżmu
Il-Bullying: Proċeduri kontra l-Bullying fl-Iskejjel
L-imġiba: Linji Gwida dwar Kodiċi tal-Imġiba
Il-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ sa 24 sena: il-qafas ta’ politika nazzjonali msejjaħ “Better Outcomes, Brighter Futures” (Riżultati Aħjar, Futur Isbaħ)
L-inklużjoni soċjali: l-inizjattiva msejħa “Delivering Equality of Opportunity” (DEIS)
Aktar informazzjoni:
Approċċ skolastiku sħiħ għall-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola: Messaġġi ta' Politika, il-Kummissjoni Ewropea, Brussell, 2015.
Public Health England u Children and Young People’s Mental Health Coalition, Promoting children and young people’s emotional health and wellbeing: a whole school and college approach, PHE Publications, ir-Renju Unit, 2015.
Qari addizzjonali:
Improving School Leadership, Volume I: Policy and Practice, l-OECD, Pariġi 2008.
Improving School Leadership: The Toolkit, l-OECD, Pariġi, 2008.
SYNEVA – Quality Assurance through Synergy of Internal and External Evaluation of Schools
Uri aktar