“Dak ix-xogħol tal-iskola, mhux tiegħi”: modi kif tmexxi l-ġenituri mill-involviment għall-parteċipazzjoni

Image: Jhon David / Unsplash.com

Probabbilment ma jkollokx f’moħħok immaġni arketipika waħda. Il-ġenituri jistgħu jiġu minn sfondi kulturali u lingwistiċi differenti, u barra minn hekk jistgħu jkunu stretti jew klementi, kurjużi jew apatetiċi, kreattivi jew riġidi. Ikun xi jkun il-profil tal-ġenituri, l-għalliema m'għandhomx sempliċement jirreaġixxu għalihom imma attwalment jipprovaw jinvolvihom fl-edukazzjoni tat-tfal tagħhom. Dawn huma tliet modi kif dan jista’ jsir.

Għin biex il-ġenituri jħossuhom INCLUD-ED

Fl-edukazzjoni tal-familja, l-iskejjel jistiednu membri tal-familja u membri oħra tal-komunità biex jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ tagħlim tal-preferenza tagħhom, bħalma huma l-litteriżmu u l-klassijiet tal-lingwi għal familji migranti jew Gruppi Letterarji għall-Qari tal-Kotba (Dialogic Literary Gatherings). Il-proġett ta’ riċerka INCLUD-ED identifika l-edukazzjoni tal-familja bħala Azzjoni Edukattiva ta’ Suċċess (SEA).

Adulti li jipparteċipaw f'din l-attività jrawmu kemm it-tagħlim tagħhom stess kif ukoll dak tat-tfal tagħhom. Professjonist edukattiv ifakkar: “Hemm tfal li, qabel ma ommhom ġiet fiċ-ċentru, setgħu jaħarbu mill-klassi, jorqdu fil-klassi ... u issa s-sitwazzjoni hija, ‘ara x’għamilt ma!'" Mill-implimentazzjoni tal-edukazzjoni tal-familja, l-Iskola Mediterrani fil-Katalunja rat il-ħiliet tal-qari u tal-kitba tal-istudenti tagħha jiżdiedu minn 21% (2011-2012) għal 80% (2014-2015) u l-assenteiżmu tagħha jaqa’ minn 47% għal1%.

Dan u SEAs oħra ġew implimentati matul u wara t-tħaddim tal-proġett b’effett pożittiv; tista’ tara l-impatt soċjali u r-riżultati tagħhom fuq il-websajt tal-proġett. Għal aktar tagħrif dwar l-edukazzjoni tal-familja, tista’ taqra l-entrata rilevanti fl-Għodda Ewropea għall-Iskejjel jew tara din it-taħdita minn Teresa Sordé Martí:

INCLUD-ED dam għaddej mill-2005 sal-2012 u rċieva fondi mis-Sitt Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea. It-tim tar-riċerka tiegħu kien magħmul minn 15-il organizzazzjoni minn 14-il pajjiż Ewropew differenti.

It-taffija tat-tranżizzjoni permezz tal-Għodda tal-Ġenituri

Kemm l-għalliema kif ukoll il-ġenituri huma inkarigati mill-edukazzjoni tat-tfal bil-mod tagħhom. Dan il-prinċipju ta’ responsabbiltà kondiviża jifforma l-pedament tal-Għodda tal-Ġenituri (La mallette des parents), li biha l-ġenituri jistgħu jappoġġjaw lit-tfal tagħhom fit-tagħlim, l-akklimatizzazzjoni u biex jagħmlu għażliet ta' studju xierqa.

L-Għodda tintuża fi tliet stadji ewlenin tal-edukazzjoni tat-tfal:

  1. L-ewwel sena tal-iskola primarja, meta l-istudenti jitgħallmu jaqraw
  2. L-ewwel sena tal-iskola sekondarja, meta l-istudenti jmorru fi skola ġdida
  3. L-aħħar sena tal-iskola sekondarja, meta l-istudenti jagħżlu edukazzjoni jew trajettorja tax-xogħol

Istituzzjoni waħda li torganizza laqgħat mal-ġenituri bbażati fuq l-Għodda hija l-iskola primarja ta’ Saint-Exupéry fi Franza. F'dik l-iskola, il-ġenituri huma wkoll mistiedna jattendu klassi bħala osservaturi, sabiex ikunu jistgħu jifhmu aħjar kif iseħħ it-tagħlim u x'tip ta’ attitudni hija mistennija mill-istudenti.

Is-sejbiet jissuġġerixxu li, grazzi għall-Għodda, il-ġenituri jkunu aktar involuti fl-edukazzjoni tat-tfal tagħhom - bl-effett miżjud li titjieb id-dixxiplina, l-assenteiżmu jonqos u r-riżultati edukattivi jitjiebu f'korsijiet bħall-Franċiż.

Biex issir taf aktar dwar l-Għodda tal-Ġenituri, tista’ żżur il-websajt uffiċjali (bil-Franċiż) jew taqra l-entrata tagħha fl-Għodda Ewropew għall-Iskejjel (23 lingwa).

L-Għodda tal-Ġenituri hija inizjattiva tal-gvern Franċiż li għadha għaddejja.

Taħriġ tal-ġenituri għall-iskoperta u l-prevenzjoni tar-riskji fuq netwerks soċjali u fuq l-Internet

Il-midja soċjali u l-World Wide Web biddlu fundamentalment ix-xenarju tal-komunikazzjoni, u b'riżultat ta’ dan, il-ġenituri tilfu s-sorveljanza tal-interazzjonijiet soċjali ta’ wliedhom. Dan jista’ jwessa' l-orizzonti tat-tfal u jintroduċihom ma' kulturi u mentalitajiet ġodda - iżda min-naħa l-oħra, jista’ wkoll iqegħidhom f'riskju.

Biex jindirizza din il-kwistjoni, il-proġett ParentNets joffri lill-ġenituri gwida għall-attivitajiet online possibbli tat-tfal tagħhom u partikolarment il-perikli li t-teknoloġiji l-ġodda jistgħu joħolqu għalihom. L-ewwel nett, jagħmel dan permezz ta’ manwal li fih linji gwida, riżorsi u azzjonijiet ta’ mitigazzjoni nazzjonali (li jistgħu wkoll Jitniżżlu); u t-tieni nett, permezz ta’ logħba virtwali (disponibbli għal bosta sistemi operattivi).

Dan il-proġett kien Sħubija Strateġika tal-Erasmus+ li dam mill-2014 sal-2016 u kien jinvolvi ħames pajjiżi: il-Belġju, l-Irlanda, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja. Huwa kien innominat eżempju ta’ prattika tajba.

Għal aktar riżorsi dwar l-involviment tal-ġenituri, iċċekkja l-Għodda Ewropea għall-Iskejjel.

Biex tiskopri proġetti ffinanzjati mill-UE għaddejjin u tal-passat fl-edukazzjoni skolastika, jekk jogħġbok mur fuq il-Pjattaforma tar-Riżultati tal-Proġetti tal-Erasmus+.